Biden fekkek siequ wara li żelaq hu u jilgħab mal-kelb

Joe Biden and his dog Major

Il-President elett tal-Istati Uniti Joe Biden fekkek siequ l-leminija wara li żelaq hu u jilgħab mal-kelb tiegħu Major. Din kienet skoperta wara scan li sarlu lbieraħ u minħabba fiha se jkollu jilbes sapport għal siequ għal diversi ġimgħat, skont it-tabib tiegħu.

Biden weġġa’ s-Sibt u żar it-tabib tiegħu fi Newark, Delaware.

Minkejja li inċidenti tat-tip huma ta’ tħassib fejn jidħlu persuni avvanzati fl-età, Biden jidher li weġġa’ ħafif u li jista’ jaqleb għall-aħjar bi ftit trattament. Fl-età ta’ 78 sena, Biden se jkun l-aktar president anzjan li qatt kien hemm fl-Istati Uniti. L-inawgurazzjoni tiegħu se ssir f’Jannar li ġej.

Ġurnalisti kkonfermaw li raw lil Biden izappap hu u ħiereġ mill-uffiċċju tat-tabib tiegħu biex imur jagħmel CT scan. Madankollu hu ma kienx qed już krozzi jew bastun biex jgħinuh jimxi.

Biden u martu, Jill, adottaw lil Major lura fl-2018. Dan huwa t-tieni kelb tagħhom hekk kif lura fl-2008 huma laqgħu fil-familja tagħhom lill-ewwel kelb tagħhom bl-isem ta’ Champ. Huma mistennija jieħdu lill-klieb tagħhom magħhom fil-White House. Huma qed jippjanaw ukoll li jġibu qattus.