Biddel daru fi grotta tal-Milied

Stan Yanetta bħalma jagħmel ta’ kull sena se jerġa’ jilbes ta’ Father Christmas jippoża għal ritratti mat-tfal u jqassmilhom rigali kull filgħaxija. Ir-raġel, nannu, ta’ kull sena jbiddel daru fi grotta tal-Milied li saret popolari fl-Ingilterra kollha.

Ir-raġel ta’ 58 sena kien beda bi ftit dwal biex iferraħ lin-neputijiet tiegħu imma ftit ftit beda jkabbar f’dak li jagħmel. Stan hu  magħruf għall-mod stramb kif iżomm il-ġnien tiegħu. Hu jgħid li m’għandux idea kemm għandu dekorazzjonijiet tal-Milied imma li hu ċert hu li jieħu tlett ijiem biex jirranġa s-sistema tad-dawl.

Biex ilesti kollox dejjem jieħu madwar tliet ġimgħa u għad li kull ġurnata tiġih tiswa mal-€20, mill-4pm sas-7pm, hu jostni li l-għaxqa tiegħu hi li jara tant tfal u ġirien jieħdu pjaċir b’dak li jagħmel. Min iżur il-grotta tal-Milied ta’ Stan jista’ jħali xi kontribuzzjoni għal sptar fi Newcastle li jieħu ħsieb tfal milquta mill-kanċer.

Din is-sena għandu magna li titfa’ l-borra u hu jgħid li t-tfal se jitgħaxxqu jaraw il-borra ttir meta jagħfas buttuna.

Is-sena l-oħra n-neputijiet tiegħu staqsewh fejn kien mar għal żmien il-Milied għax ma kinux rawh. Mur għidilhom li l-Father Christmas li tahom rigali kien hu stess!