Bi Christine bħala mudell, nagħmlu kuraġġ – Ommha

Mary Gauci omm Christine qalet li bi Christine bħala mudell tkompli tagħmel kuraġġ u se tkompli bil-ħidma intensiva tagħha flimkien mal-għaqda Happy Parenting Malta li tagħha hija President.

Christine Gauci mietet fit-18 ta’ Jannar, 2020 waqt li kienet qiegħda togħdos fil-bajja ta’ Imġarr ix-Xini, Għawdex.

Maru Gauci omm Christine qalet li l-memorja ta’ Christine tħeġġiġha biex tkompli taħdem u tistinka biex tkompli fejn ħalliet hi.

Christine kienet suldat mal-Forzi Armati ta’ Malta u kienet involuta f’doversi operazzjonijiet. Fl-2011 hija marret l-Afganistan. Fi stqarrija Mary Gauci spjegat li l-Forzi Armati ta’ Malta taw permess lill-familja tagħha biex jagħmlu monument tagħha live-size bl-uniformi ta’ suldat.

L-iskultur ta’ dan il-monument huwa Charlò Spiteri Magri u offra huwa stess li jagħmel dan il-monument għax kien impressjonat bil-kuraġġ u l-qalb tajba ta’ Christine minkejja li ma kienx jafha. Gauci spjegat li Charlò rnexxielu joħroġ dik it-tbissima li spiss kienet tkun fuq wiċċ Christine, fl-istess waqt tibqa’ tidher suldata dixxiplinata professjonali fix-xogħol tagħha.

L-istatwa se tkun miksija bil-bronż biex tiflaħ għall-elementi minħabba li se tkun qiegħda titpoġġa fuq pedestal fuq barra ta’ Dar Christine.

Omm Christine qalet li ftit xhur wara li mietet Christine ħarġu r-riżultati li juru li Christine għaddiet għall-Bumbardier.

Diversi persuni mleħħqin fl-armata deskrivew lil Christine bħala persuna qalbiena u dak li kienet tagħmel dejjem għamlitu minn qalbha. Żiedu li hija qatt ma qatgħet qalbha mill-isfidi u kienet ta’ ispirazzjoni għal ħafna nisa oħra. Christine kienet tagħmel xogħol li normalment isir mill-irġiel u qatt ma qatgħet qalbha.

Apparti dan il-monument il-Forzi Armati ta’ Malta niżżlu fil-qiegħ ta’ Imġarr ix-Xini memorial li ġie mbierek mill-Kappillan tal-Forzi Armati Fr Joe Meli waqt quddiesa fil-Fort tal-Mosta.

Mary Gauci omm Christine rreflettiet fuq dawk il-ġenituri li tilfu lill-uliedhom mhux għax mietu iżda għax ġew imċaħħda milli jarawhom. Żiedet li waqt il-ħidma intensiva biex jikkumbattu l-Parental Alienation, jiġu wiċċ imb wiċċ ma’ ġenitur wara l-ieħor, li spiċċaw maqtugħin għal kollox minn uliedhom. Apparti minn hekk it-tfal jispiċċaw iħarsu lejhom bħala nies ħżiena, abbużivi, u ma jħobbuhomx.