“Bi 8 ħaddiema l-uffiċċju tal-Kummissarju tal-VO mhux effiċjenti”

L-Awditur Ġenerali qal li l-uffiċċju tal-Kummissarju għall-Għaqdiet Volonatarji mhux qed jaħdem b’mod effiċjenti minħabba n-nuqqas ta’ riżorsi umani. Jispjega li apparti l-Kummissarju, miegħu hemm jaħdmu seba’ ħaddiema oħra full-time u f’Novembru ġie ngaġġat avukat esperjenza biex jgħin lill-uffiċċju fil-qasam legali.

Il-Kummissarju stess enfasizza mal-Awditur Ġenerali biex ikun hemm aktar riżorsi umani, speċjalment f’dak li għandu x’jaqsam mal-awditjar u l-affarijiet legali. Jgħid ukoll li l-livell ta’ ħaddiema li hemm jiddettaw l-ammont ta’ xogħol li jsir u dan jipprevjeni lill-istess uffiċċju milli jaħdem aktar fuq monitoraġġ.

Fir-rapport li ġie ppreżentat lill-Ispeaker it-Tnejn li għadda, l-Uffiċċju Nazzjonali tal-Verifika jgħid li l-kapaċità amministrattiva tal-Uffiċċju tal-Kummissarju għall-Għaqdiet Volontarji mhix adegwata biex ikun hemm monitoraġġ regolatorju effettiv.

AQRA: Abela Medici jinħatar Kummissarju tal-Għaqdiet Volontarji

“Il-Kummissajru tal-VO mhux dejjem jinduna li l-informazzjoni hi tajba”

Ir-rapport jgħid li l-Uffiċċju mhux dejjem jinduna li l-informazzjoni mgħoddija lilu mill-għaqdiet hi “vera u ġusta”. Dan joħroġ minn analiżi fuq 15 il-rapport differenti li l-Uffiċċju Nazzjonali tal-Verifika analizza bl-addoċċ.

L-Awditur Ġenerali jgħid li għalkemm dawn il-15-il każ mhumix rappreżentattivi tax-xogħol kollu li jsir, xorta waħda deher ċar li l-monitoraġġ li qed isir huwa dgħajjef għax il-Kummissarju mhux dejjem qed jitlob aktar dokumentazzjoni mill-għaqdiet li jissottomettu r-rapport annwali.

Ir-rapport sħiħ tal-Uffiċċju Nazzjonali tal-Verifika dwar l-operat tal-Kummissarju għall-Għaqdiet Volontarji tista’ taqrah hawn.