B’ħidmietkom inġibu lura r-rispett lejn Malta – Il-President

Fl-aħħar xhur Malta għaddiet minn avvenimenti mhux daqstant sbieħ u l-ħidma tal-Konsli Onorarji għandha tkun biex Malta tirbaħ lura r-rispett, id-dehen u l-ġieħ li jixirqilha. Dan kien id-diskors tal-President tar-Repubblika George Vella fl-okkażjoni tal-iskambju tal-awguri tas-sena l-ġdida lill-Konsli Onorarji fil-Palazz ta’ San Anton.

Il-President qal li dak li ġara fl-aħħar xhur heżżeż lill-istituzzjonijiet u ħasad lis-soċjetà kollha. Kompla li huwa parti mill-irwol tal-Konsli Onorarji li jkunu parti minn ħolqa importanti sabiex  iwasslu messaġġ ta’ rieda tajba fil-pajjiżi li jirrapreżentaw u jużaw il-mezzi tagħhom biex juru li Malta qed taħdem sabiex l-istituzzjonijiet regolatorji jissaħħu u tkompli toffri ambjent fejn jitkattar l-investiment u n-negozju.

”L-għaqda nazzjonali hi l-akbar arma tal-poplu Malti“

Il-President spjega li l-għaqda nazzjonali hija l-akbar arma li l-poplu Malti għandu sabiex jiġu indirizzati ċ-ċirkostanzi li għaddejja minnhom Malta. Żied li issa li ġie elett Prim Ministru l-ġdid kulħadd għandu l-obbligu li jaħdem biex isem Malta jitnaddaf. Il-President qal li minkejja ċ-ċokon tagħha Malta għandha ħafna x’toffri.

Dr Vella qal li min-naħa tiegħu bħala President ħadem fil-parametri li tippermettilu l-kostituzzjoni sabiex jiġu indirizzati ċ-ċirkostanzi li Malta għaddejja minnhom.

”Intom parti minn katina li ssaħħaħ il-ġid tas-soċjetà“

Il-President Vella qal s-sitwazzjoni fir-reġjun mhijiex pożittiva. Huwa kien qed jirreferi għat-tensjoni fil-Libja, il-kuflitt fis-Sirja, l-istat umanitarju tal-Yemen u l-eskalazzjoni bejn l-Iran u l-Istati Uniti tal-Amerika. Huwa ħeġġeġ lill-Konsli Onorarji biex ikunu parti minn katina li ssaħħaħ il-ġid tas-soċjetà u ttejjeb r-relazzjonijiet bejn il-pajjiżi.