Bħalma kkonsulta, issa l-Gvern ġdid lest jaħdem mal-GRTU

F’laqgħa mal-GRTU, l-Ministru tal-Ekonomija, Investiment u Negozji Żgħar Chris Cardona sostna li l-Gvern jifhem l-impatt pożittiv li jħallu fuq l-ekonomija u fuq l-impjiegi, s-setturi rappreżentati fil-GRTU.

Qabel mad-diskussjoni kompliet fil-privat, il-Ministru Chris Cardona tkellem ukoll dwar l-ideat li għandu l-Gvern dwar il-Malta Enterprise. Intqal li bħalma qabel l-elezzjoni ġenerali saret konsultazzjoni mal-GRTU issa gvern ġdid irid jaħdem magħha.

Is-Segretarju Parlamentari għall-Kompetittività u t-Tkabbir Ekonomiku Edward Zammit Lewis saħaq li hu jqis lill-GRTU bħala partners fil-proġett tal-gvern il-ġdid għal tkabbir ekonomiku li jilħaq lil kulħadd.

Madanakollu, f’messaġġ ta’ introduzzjoni, l-President tal-GRTU Paul Abela esprima l-ferħ tal-GRTU li sa minn kmieni fil-mandat tagħhom il-Ministru u s-Segretarju Parlamentari sabu l-ħin jiltaqgħu mal-Kunsill tal-GRTU. Abela saħaq li l-union tixtieq li jkun hemm rapport mill-aqwa, għax huma konvinti li flimkien jistgħu jagħmlu ħafna ġid.