​Bħall-Gvern, l-Oppożizzjoni fadlilha x’titgħallem –Muscat

Il-Prim Ministru Joseph Muscat qal li l-Oppożizzjoni għandha tagħlimiet kbar x’titgħallem, bħalma fadallu x’jitgħallem il-Gvern.
Huwa qal dan fuq One Radio dalgħodu, meta kien mistoqsi dwar il-ħruġ tal-Oppożizzjoni mill-Parlament nhar l-Erbgħa.
Nhar l-Erbgħa li għadda l-Oppożizzjoni Nazzjonalista telqet 'il barra mill-Kamra wara li l-Kap tal-Oppożizzjoni Adrian Delia qal li "l-Gvern li jisma’, sema’" imma ma attwax il-proposti mressqa lilu.
Skont Muscat, ir-riżultati tal-aħħar elezzjonijiet li saru għandhom juru lill-Oppożizzjoni li n-nies qed tirrifjuta stil negattiv. Qal li l-poplu qed jagħmel appell biex il-Partit Nazzjonalista jbiddel il-mod ta’ kif qed jaħdem.
Muscat semma wkoll kif għal numru ta’ snin ma kienx hemm liġi li tirregola lill-home workers. Qal li bis-saħħa tal-Gvern, min iħaddem jista’ jserraħ moħħu li qed jimxi mal-liġi u fl-istess waqt il-ħaddiema jkollhom id-drittijiet tagħhom imħarsa. Muscat spjega wkoll li fl-aħħar se jsir tibdil fil-liġi dwar il-midja wara perjodu estensiv ta’ konsultazzjoni.
Waqt il-kollegament telefoniku, il-Prim Ministru qal li għadu kif mar l-Ażja l biex jattira aktar xogħol u investiment lejn il-pajjiż. Skont Muscat, jekk Malta tkun sejra tajjeb fl-ekonomija, dan ifisser li l-pajjiż ikun jista’ jaffordja ċertu inizjattivi bħalma huma ċ-child care b’xejn. Kompla jgħid li permezz ta’ din l-inizjattiva, l-għadd ta’ nisa li qed jaħdmu tela’ minn 46% għal 55%.
Muscat tkellem dwar kollox ħlief is-sigurtà – PN
F’reazzjoni għad-diskors ta’ Muscat, il-PN qal li huwa tkellem dwar kollox ħlief is-sigurtà f’Malta.
Fi stqarrija, il-PN qal li l-problema tas-sigurtà f’Malta hija waħda kbira li dejjem qed tiżdied. Skont il-PN, Muscat għażel li jinjora dan kompletament.
Il-PN kompla jgħid li l-omiċidji f’Malta saru xi ħaġa li qed tindara u li r-residenti tal-Marsa u ta’ San Pawl il-Baħar huma mħassib kontinwament dwar in-nuqqas ta’ sigurtà.