“Bħall-Battista, il-qassisin jikkomunikaw bil-lingwaġġ ta’ żmienna” – l-Isqof Mario Grech

Gordon Barbara

L-Isqof ta’ Għawdex Mario Grech qal li bħal Gwanni l-Battista, il-qassisin jikkomunikaw it-tagħlim tal-Knisja fl-ispirtu tal-Konċilju Vatikan II. Huwa qal dan fl-Omelija fl-okkażjoni tal-festa liturġika ta’ San Ġwann Battista fix-Xewkija u li fiha ġiet iċċelebrata wkoll il-25 sena saċedozzju tal-Arċipriet tax-Xewkija Dun Daniel Xerri u l-missjunarju Għawdxi fil-Perù Dun Raymond Portelli.

Huwa sostna li s-saċerdoti qiegħdin hemm biex iwieġbu għal dak li jeħtieġ il-bniedem ta’ żmienna u qal li “jekk ma nitkellmux b’lingwaġġ li jiftiehem mid-dinja kontemporanja” allura l-Knisja se tibqa’ titlef ir-relevanza tagħha.

“Ħielsa, ħabrieka u eżemplari”

Mons Grech spjega kif iż-żewġ saċerdoti huma “ħielsa, ħabrieka u eżemplari f’dan l-impenn biex il-ministeru saċerdotali tagħhom jgħixuh fid-dinja tal-lum”. Fisser kif it-tnejn huma attenti biex jikkomunikaw mal-bniedem ta’ żminijietna, it-tnejn għandhom il-kuraġġ li jagħmlu għażliet pastorali u karitattivi skont it-tagħlim tal-Knisja ta’ wara l-Konċilju Vatikan II.

Fl-Omelija huwa semma kif xi drabi aħna s-saċerdoti naħbtu ninfixlu kif ser inħaddmu dan il-ministeru. Saħaq li s-saċerdoti ma jistgħux ikunu tal-bieraħ imma għandhom ikunu tal-lum. Fisser li dan għandu jsir billi s-saċerdoti jemmnu fil-bidla. Qal li xi drabi huwa komdu li s-saċerdoti jserrħu rashom fuq it-tradizzjonijiet skont skemi tal-imgħoddi iżda qal li huwa fatt li hemm sfidi pastorali u spiritwali mhux żgħar għal min jixtieq jgħix is-saċerdozju tiegħu fil-preżent.

Temm jgħid li l-isfida li għandhom is-saċerdoti hija l-isfida tiegħu bħala Isqof u talab lill-Ispirtu s-Santu biex il-Knisja tkun dik li tmiss il-qlub tal-lum.

Iġeddu l-wiegħdiet tal-Ordinazzjoni

Waqt il-quddiesa, Mons. Daniel Xerri, Arċipriet tax-Xewkija, u Dun Raymond Portelli, missjunarju fil-Perù għal dawn l-aħħar 25 sena, ġeddew il-wegħdiet tal-Ordinazzjoni tagħhom quddiem l-Isqof. Fi tmiem, l-Isqof bierek xbieha tal-Madonna Ta’ Pinu għar-Rotunda, b’tifkira tas-Sena Djoċesana Marjana.

Aqra l-Omelija sħiħa hawn: