“Bħalissa ninsabu f’lockdown parzjali” – Il-PM

Robert Abela

Read in English.

Il-Prim Ministru Robert Abela qal illum li Malta bħalissa tinsab taħt lockdown parzjali. Dan hekk kif il-Qrati, l-iskejjel u diversi istituzzjonijiet oħrajn jinsabu magħluqa.

Hu qal dan waqt li kien qed jiġi intervistat fuq l-istazzjoni tar-radju tal-Partit Laburista dalgħodu. Is-suġġett ewlieni kien dak tal-coronavirus, u partikolarment kien hemm referenza għat-talba ta’ bosta professjonisti lokali u entitajiet li qed jitolbu lill-Gvern imur għal lock down tal-pajjiż.

Abela sostna li jekk il-pajjiż ikollu jmur għal lockdown totali, ir-riżultat tiegħu bħalissa jista’ jkun wieħed katastrofiku. Irrimarka li dak li qed ifallu milli jsemmu dawk kollha li qed jagħmlu l-għajta għal-lockdown hija jekk dan hux wieħed totali jew parzjali. Qal li lockdown parzjali diġà jinsab fis-seħħ fil-pajjiż, intant lockdown totali jfisser li l-pubbliku jrid joqgħod f’daru bilfors u ma joħroġx minn hemm sakemm mhux biex jixtri ikel jew mediċini. Qal li minħabba li s-sitwazzjoni hija xi ħaġa li jaf tibqa’ fil-pajjiż għal numru ta’ xhur, dan ikun ifisser li l-poplu jkun mitlub jibqa’ “priġunier” f’daru għal numru ta’ xhur.

Insista li malli l-awtoritajiet tas-saħħa jagħtuh il-parir li jordna li ssir lockdown nazzjonali hu lest li jagħmel dan. Qal li l-lockdown li bħalissa hawn fil-pajjiż huwa wieħed meqjus. Sostna li ma talabx li jingħalqu l-iskejjel biex dawn it-tfal jittieħdu jilgħabu ċorma l-bandli.

“Qed naħsbu fil-ħażin biex it-tajjeb ma jonqosx”

Il-Prim Ministru sostna li l-mod kif qed jimxi l-Gvern huwa li qed jaħseb fil-ħażin biex it-tajjeb ma jonqosa. Qal li dalgħodu, l-Ministru għas-Saħħa Chris Fearne ħabbar in-numru ta’ sodod li issa jinsabu lesti biex jokkupaw pazjenti li jinstabu li għandhom il-COVID-19. Qal li hemm biżżejjed apparat, sodod u anke staff mediku. Insista li filwaqt li huwa kawt, jinsab kalm ħafna dwar is-sitwazzjoni.

Irrimarka li l-Gvern ilu jaħdem fit-tul u jipprepara għal din is-sitwazzjoni u f’każ li s-sitwazzjoni tiggrava l-Gvern għandu kull m’hemm bżonn biex ilaħħaq mad-domanda. Qal li aħjar li jkun hemm kollox ippreparat għall-każijiet estremi iżda ma jkunx hemm bżonn l-użu tagħhom milli jkun hemm nuqqas ta’ preparamenti.

“Sodisfatt bil-koperazzjoni tal-pubbliku”

Intant, il-Prim Ministru Abela insista li hu jinsab sodisfatt bil-koperazzjoni tal-pubbliku. Qal li fil-maġġoranza tiegħu l-poplu qed jimxi sew.

Insista li mbilli jkollok sistema ta’ immunità tajba ma jfissirx li tista’ tirriskja għax tista’ tasal xi stat fejn taffettwa persuni oħrajn li jkun madwarhom u forsi jkunu f’riskju akbar li l-coronavirus jattakahom b’mod aggressiv.

Dwar il-kwarantina mandatorja, il-Prim Ministru reġà fakkar fil-multa ta’ €1,000 għal kull jum li bħalissa li tinsab fis-seħħ. Qal li kull min jinqabad jikser l-ordni tal-kwarantina mandatorja se jeħel din il-multa.

Jekk tixtieq tkun minn tal-ewwel li tirċievi l-aħħar aħbarijiet dwar il-coronavirus f’Malta, niżżel l-APP ta’ Newsbook minn hawn