Bħalissa: Il-Kabinett jiddiskuti l-maħfra għal Yorgen – sorsi

Read in English.

Bħalissa fil-Berġa ta’ Kastilja qed issir laqgħa tal-kabinett, fejn skont sorsi infurmati, qed tiġi diskussa maħfra presidenzjali għal Yorgen Fenech, sid il-kumpanija 17 Black, li qed jiġi interrogat b’rabta mal-assassinju tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia.

LIVE minn Kastilja fejn bħalissa għaddejja laqgħa tal-Kabinett:

Posted by Newsbook.com.mt on Thursday, November 28, 2019

Intant, Yorgen Fenech fetaħ kawża kostituzzjonali fejn qed jgħid li l-preżenza tal-Ispettur Keith Arnaud fl-investigazzjoni qed tikser id-drittijiet fundamentali tiegħu. Dan wara li ġie rrappurtat fil-midja li Yorgen Fenech, talab li jitneħħa l-Ispettur Arnaud mill-investigazzjoni, minħabba li possibilment kien qed jgħaddi informazzjoni lill-eks Chief of Staff tal-Prim Ministru Keith Schembri.

Dehru deħlin f’Kastilja diversi membri parlamentari fosthom id-Deputat Prim Ministru Chris Fearne, is-Segretarji Parlamentari Julia Farrugia Portelli, Clifton Grima, Anthony Agius Decelis, il-Ministri Evarist Bartolo, Josè Herrera u Michael Falzon, il-Whip tal-Gvern Byron Camilleri kif ukoll Robert Abela. Hemm ukoll ipparkjata fil-qrib il-karozza tal-Ministru għall-Ġustizzja Owen Bonnici.

Id-Deputat Prim Ministru Chris Fearne qal li s-sitwazzjoni hija serja u li se jkun qed jikkummenta wara l-laqgħa tal-kabinett.

Ħafna ma kkummentawx, filwaqt li uħud qalu mal-ġurnalista ta’ Newsbook.com.mt li l-laqgħa tal-kabinett hi sigrieta. Il-Ministru Carmelo Abela għadda mill-bieb tal-ġenb ta’ Kastilja.

Mhux eskluż li l-Prim Ministru Joseph Muscat se jindirizza lill-midja li ilha tistenna għal sigħat sħaħ għall-ħruġ tal-Prim Ministru.

Filmati: Monique Agius, Miguela Xuereb