Il-Prim Ministru Joseph Muscat qal li jinstab ‘skantat’ kif Consuelo Scerri Herrera ma laħqitx Imħallef qabel.
Għall-mistoqsija ta’ Newsbook.com.mt, wara l-ħatra tal-Imħallfin u l-Maġistrati ġodda, Dr Muscat qal li skont il-parir li ngħata dwar Scerri Herrera kien li tingħata l-kariga.
Hawnhekk il-Ministru tal-Ġustizzja Owen Bonnici qal li kumitat huwa marbut b’segretezza u kunfidenzjalità, huwa kompla billi ċaħad li Scerri Herrera kienet “turned down” fl-ewwel darba li l-isem ġie referrut.
Huwa qal li l-parir kien differenti u li dan il-parir segweh mija fil-mija. Bonnici saħaq li did-darba kellhom parir pożittiv dwar Scerri Herrera.
It-tliet Imħallfin ġodda jinkludu lill-Maġistrat Anzjan Dr Anthony J. Vella, il-Maġistrat Consuelo Scerri Herrera, u l-Maġistrat Grazio Mercieca.
It-tliet Maġistrati ġodda se jkunu Dr Rachel Montebello, Dr Simone Grech, u Dr Astrid May Grima.
Qabża ta’ 16% fin-numru ta’ nisa fil-ġudikatura – Helena Dalli
Il-Ministru għall-Ugwaljanza Helena Dalli qalet li Malta għandha l-maġġoranza tal-ġudikatura li huma nisa, qabża ta’ 16% meta mqabbel mas-sena 2013, meta kien hemm 35% tal-membri tal-ġudikatura nisa.