Il-PM jgħid lil Metsola li jħossu tradut minn Schembri

Aġġornat 06:36 PM

Read in English.

L-Ewroparlamentari Nazzjonalista Roberta Metsola staqsiet lill-Prim Ministru Joseph Muscat jekk iħossux tradut minn Keith Schembri, li għal snin twal serva bħala ċ-Chief of Staff tal-Prim Ministru. Hi qalet li r-risposta ta’ Muscat għal din il-mistoqsija kienet ‘iva’.

Dan ħareġ wara laqgħa li kellha d-delegazzjoni ta’ Membri Parlamentari Ewropej mibgħuta Malta mill-Parlament Ewropew f’Kastilja mal-Prim Ministru nniffsu.

European Parliament delegation after their meeting with Prime Minister Joseph Muscat

Posted by Lovin Malta on Tuesday, December 3, 2019

Wara l-laqgħa, mal-ġurnalisti, Metsola qalet li hi tenniet ma’ Muscat l-argument li għandu jirreżenja issa. Qalet li matul is-snin, Muscat għamel numru ta’ żbalji u issa jrid jerfa’ r-responsabbiltà politika. Qalet li madanakollu, waqt il-laqgħa, hu pprova jkompli jiġġustifika għalfejn għandu jibqa’ Prim Ministru matul is-sitt ġimgħat li ġejjin. Insistiet li huwa ċar li hu jista’ jħalli lil Chris Fearne jilħaq Prim Ministru interim skont il-kostituzzjoni.

Aktar tard, permezz ta’ Tweet, Metsola qalet li huwa Muscat li tradixxa lil pajjiżu. Sostniet li jekk Muscat jaħseb li seta’ jfarfar ir-responsabbiltà kien sejjer żball.

F’post fuq Facebook, l-Ewroparlamentari Roberta Metsola, li hija parti minn din id-delegazzjoni, qalet li flimkien mal-MEPs l-oħrajn se tkun qed tara li ssir ġustizzja u li Malta turi wiċċha mal-bqija tad-dinja.

Doing my duty. On the way to face Joseph Muscat this morning with a delegation of MEPs. We will see justice and we will show the world the true face of #Malta 💪

Posted by Roberta Metsola on Monday, December 2, 2019

Min-naħa tagħha, il-kap tad-delegazzjoni, l-MEP Sophie In’t Veld, qalet li ma taħsibx li wara l-laqgħa mal-Prim Ministru l-inkwiet tagħhom dwar Malta sparixxa. Sostniet li ż-żjara ta’ din id-delegazzjoni qed issir sabiex tevalwa kemm l-Unjoni Ewropea tista’ tafda lill-Gvern Malti. Sostniet li waqt il-laqgħa l-MEPs għamluha ċara li l-Unjoni Ewropea għandha tħassib dwar kemm għadha tafda lill-pajjiż. Irrimarkat li l-problema ma tinsabx biss bejn il-Prim Ministru u l-poplu Malti, iżda wkoll bejn Malta u l-Unjoni Ewropea. Qalet li huma ma ħarġux mil-laqgħa mal-Prim Ministru b’aktar kunfidenza milli kellhom qabel. Minkejja dan qalet li l-konklużjonijiet tagħhom se jagħmluhom għada wara li jintemmew il-laqgħat.

Fi stqarrija tal-Gvern, intqal li għal-laqgħa attendew il-Prim MInistru Joseph Muscat, id-Deputat Prim Ministru Chris Fearne, il-Ministru għall-Ġustizzja Owen Bonnici u l-Ministru għall-Ugwaljanza Edward Zammit Lewis. L-istqarrija ma tatx dettalji dwar dak li ġie diskuss fil-laqgħa.

Fil-jumejn li ġejjin, id-delegazzjoni se tkun qed tanalizza s-sitwazzjoni kurrenti fil-pajjiż. L-MEPs se jkunu qed jiltaqgħu mas-soċjetà ċivili, l-Gvern Malti u l-awtoritajiet u l-familja tal-ġurnalista assassinata Daphne Caruana Galizia.

Id-delegazzjoni mistennija tasal illejla u se tkun magħmula mill-MEPs, Roberta Metsola (EPP), Brigit Sippel (S&D), Sven Giegold (Greens), Nicolaus Fest (ID), Assita Kanko (ECR), u Stelios Kouloglou (GUE). Id-delegazzjoni se tkun immexxijja mill-MEP Sophie In ‘t Veld (Renew).

Kmieni dalgħodu, grupp ta’ dimostranti nġabru fi Pjazza Kastilja fejn laqgħu lill-Prim Ministru Joseph Muscat u ministri oħrajn. Id-dimostranti laqgħuhom bl-għajta ta’ “assassini”. Bosta barriers jinsabu madwar il-berġa ta’ Kastilja wara numru ta’ protesti.