L-aħħar tħejjijiet għall-Konklavi: Newsbook ‘live’ minn Ruma

Għall-ħabta tal-ħdax tas-Sibt filgħodu, tliet membri tat-tifi tan-nar, telgħu fuq il-Kappella Sistina biex iwaħħlu ċ-ċumnija li minnha joħroġ il-famuż duħħan abjad li jinforma lid-dinja kollha li l-Knisja Kattolika għandha Papa ġdid.

Dan wara li lbieraħ il-kardinali ddeċidew li l-Konklavi jibdew minn nhar it-Tlieta 12 ta’ Marzu. Dakinhar filgħodu se tiġi ċċelebrata quddiesa fil-Bażilika ta’ San Pietru. Newsbook se jkun qed iwassal rappurtaġġ b’filmat ‘live’ minn Ruma.

115-il Kardinal se jidħol għall-Konklavi t-Tlieta waranofsinhar. F’Sala Regia fil-Kappella Sistina, se jkunu bilqiegħda fl-ordni ta’ preċedenza. Wara li jsibu posthom, se jsir mument ta’ meditazzjoni mmexxi mill-Kardinal Malti Prospero Grech.

Il-Kappella Sistina minn din il-ġimgħa ngħalqet sabiex isiru t-tħejjijiet meħtieġa għal dawn il-Konklavi; intramaw l-imwejjed u s-siġġijiet, tpoġġiet il-pjattaforma tal-injam fuq l-art u ġiet armata l-urna biex jinħarqu l-voti filwaqt t-tqiegħed il-Vanġelu biex il-Kardinali jieħdu l-ġurament ta’ segretezza u lealtà lejn il-Papa ġdid.
L-età medja hi ta’ 71 sena mill-Kardinali li se jkunu preżenti għall-Konklavi nħatru mill-Papa Emeritu, Benedittu XVI. Dan se jkun il-75 konklavi fl-istorja tal-Knisja Kattolika.