“Bħalissa jixtiequ ħafna li jiżżewġu” – omm

Karl u Nicole, koppja bid-down syndrome bħalissa ffissati li jridu jiżżewġu. Dan qalitu waqt programm fuq RTK 103FM, omm Karl, Mariella Wirth, meta ġiet intervistata minn Dr Joe u Anna Cassar.
Facebook

Karl u Nicole, koppja bid-down syndrome bħalissa jixtiequ ħafna li jiżżewġu.

Dan qalitu waqt programm fuq RTK 103FM, omm Karl, Mariella Wirth, meta ġiet intervistata minn Dr Joe u Anna Cassar.

“Hu u Nicole għandhom imħabba speċjali għax m’għandhom l-ebda pretenzjonijiet, m’għandhomx ksuħat, ma jippretendu xejn mingħand xulxin, iħobbu biss il-kumpanija ta’ xulxin, iħobbu jkunu flimkien”, żiedet tgħid Mariella.

Tispjega kif hi u Franca, omm Nicole, jgħidulhom li għadhom żgħar, iżda qed jaħdmu id f’id biex jgħinuhom jirrealizzaw il-ħolma tagħhom. Mariella u Franca sabu sapport f’xulxin u t-tnejn jemmnu li għad fadlilhom x’jaqdfu biex jaslu, għax minkejja li huma indipendenti, huma ftit traskurati.

“Meta jgħidulna li jridu jippjanaw biex jiżżewġu, ngħidulhom li l-ewwel iridu jidraw u jitgħallmu jieħdu ħsieb lilhom infushom għax imbagħad meta jiżżewġu jridu jkampaw ma’ xulxin. It-tnejn traskurati, it-tnejn jitilfu l-affarijiet, it-tnejn tista’ taqa’ d-dinja”.

“Meta sar ziju, beda jitħajjar iktar”

L-omm kuraġġuża tgħid li meta bintha kellha tarbija, Karl beda jitħajjar iktar biex isir papà. Mariella tirrimarka li għalkemm li hu possibbli li jiżżewġu “ma naħsibx li hi qatt possibbli li jkollhom it-tfal”. Tisħaq li huma ma jarawx l-ostakli u happy go lucky. Fi kliem Mariella, fl-istess ħin dan hu wieħed mill-vantaġġi ta’ Karl, li jgħix il-mument.

“Karl iħossha li ma jsuqx”

“Għandhom ħajja soċjali aħjar minn tagħna”, qalet Mariella. “Jien u Franca l-ħin kollu nwassluhom ‘l hawn u ‘l hemm”.

Mariella tistqarr li la Nicole u lanqas Karl ma jsuqu, u li temmen li dik hi l-unika tbatija li jħoss.  Meta jgħidilha li jixtieq jixtri karozza tipprova tispjegalu li biex jitgħallem isuq jrid jagħmel eżami tqil ħafna. Spjegat li dik taqtagħlu qalbu għax fi kliemha hu għażżien u ma jridx jistudja.

Nicole tirreċta fuq it-televixin, filwaqt li Karl kien ikanta ma’ Voices u jdoqq id-drums.