“Bħal San Ġużepp, niddefendu l-ħajja sa mill-ġuf” – l-Arċisqof

Read in English.

L-Arċisqof Charles Scicluna qal li jitlob li s-soċjetà Maltija tibqa’ tgħożż il-ħajja u tiddefendiha sa mill-ġuf bħal ma għamel San Ġużepp.

Dan qalu llum fil-ftuħ tas-Sena Ġużeppina fis-Santwarju tal-Madonna tal-Karmnu fil-Belt Valletta.

“U l-ewwel talba tiegħi lilu llum hija li aħna nibqgħu soċjetà bħal m’aħna li ngħożżu l-ħajja u niddefenduha anke fil-ġuf. Ġesu twieled għax San Ġużepp iddeċieda jipproteġih,” qal Mons. Scicluna.

Spjega li qed jibdew xhur li fihom jixtieq lin-nies ikunu mhux biss taħt il-ħarsien ta’ San Ġużepp imma spirati minnu.

Xtaq lil dawk miġbura jirreflettu fuq San Ġużepp il-kustodju li jħares il-ħajja.

“Il-liġi kienet tagħtih id-dritt lil San Ġużepp jiddenunċja lil Marija għall-infedeltà tagħha u Marija titħaġġar, tmut hi u t-tarbija li kienet qed iġġorr. Ma kienx kellmu Alla meta kien iddeċieda li jibgħatha bil-moħbi tan-nies. Iddeċieda li jsalva lilha u jsalva t-tarbija li kienet qiegħda ġġorr fil-ġuf. Isalvalha l-unur tagħha imma wkoll isalvalha ħajjitha u l-ħajja tat-tarbija,” qal Mons. Scicluna. 

Semma kif Ġużeppi kien raġel ġust ġejja minn rettitudni li tmur lil hinn mil-liġi.

Żied jgħid li San Ġużepp huwa mhux biss il-kustodju tal-ħajja tal-omm u tat-tifel imma mill-bidu nett Alla fdah bil-pjan tiegħu, jgħarfu bil-missjoni ta’ dan it-tifel li Ġużeppi kellu jsejjaħlu Ġesù.

L-Arċisqof saħaq li jixtieq lin-nies iħarsu lejn il-missjoni tagħhom “bl-istess sens ta’ dover, ta’ ġustizzja, ta’ integrità, u ta’ bżulija li tagħhom huwa eżempju sabiħ San Ġużepp.”

“San Ġorġ Preca kien iħobb jinsisti magħna l-Maltin: ‘id-devozzjoni vera tfisser imitazzjoni’. Jekk inti devot tal-Madonna, jekk inti devot ta’ San Ġużepp, ifhem x’kienet ir-ruħ u l-qalb tagħhom, imxi fuq l-eżempju tagħhom, ovvjament kulħadd skont il-missjoni tiegħu,” spjega Mons. Scicluna. Qal ukoll li San Ġużepp jgħallem l-ubbidjenza lejn ir-rieda ta’ Alla anke f’mumenti diffiċli.

Iddeskriva wkoll lil San Ġużepp bħala bniedem tal-azzjoni u mhux ta’ ħafna paroli.

“U meta ntemmet il-missjoni tiegħu, sparixxa. Intemmet il-missjoni tiegħu,” qal Mons. Scicluna.

Illum l-għaqdiet kollha li jġibu l-isem ta’ San Ġużepp imxerrda madwar Malta u Għawdex ingħaqdu flimkien biex jiċċelebraw festa kbira lil San Ġużepp.

Din il-Festa Nazzjonali Ġużeppina se tkun qed timmarka l-bidu ta’ Sena Ġużeppina li se tfakkar il-150 sena minn meta l-Beatu Papa Piju IX ipproklama lil San Ġużepp bħala Patrun tal-Knisja Universali.

Wara l-quddiesa saret Purċissjoni Solenni bil-vara artistika ta’ San Ġużepp meqjuma fis-Santwarju Bażilika tal-Karmnu, liema statwa, is-sena li għaddiet għalqet 325 sena.

Reċentament, l-Arċisqof Charles Scicluna qal li huwa sinjal pożittiv li l-Prim Ministru l-ġdid Robert Abela jqis kull ħajja bħala indispensabbli. Huwa u jitkellem mal-ġurnalisti wara l-ewwel laqgħa formali tiegħu ma’ Abela, Mons. Scicluna ddeskriva l-laqgħa bħala waħda pożittiva ħafna.