Bħal-lum xahar isir il-Junior Eurovision Song Contest 2014

Baqa’ xahar eżatt sal-jum li f’Malta se jkun qed isir il-Junior Eurovision Song Contest
L-ispettaklu li se jsir fil-ħmistax ta’ Novembru fit-tarzna l-antika tal-Marsa qed jitqies bħala l-akbar avveniment mużikali li qatt sar fuq l-istazzjonijiet televiżivi lokali.
Bħalissa qed isiru l-aħħar preparamenti sew mill-kumitat tal-PBS li se jorganizza l-Festival u anke mill-kumitat tal-European Broadcasting Union li huma l-organizzattiv eżekuttiv tal-Festival.
S’issa ħarġu l-biċċa l-kbira tal-kanzunetti tas-sittax–il parteċipant li se jieħdu sehem fil-Festival.
Newsbook.com.mt jinsab infurmat li fil-futur qrib ħafna se tiġi mnedija l-kanzunetta Diamonds li biha Federica Falzon se tirrapreżenta lil Malta din is-sena.
F’dawn l-aħħar jiem ukoll tlestew il-kartolini li se jidhru qabel kull kanzunetta fis-serata finali tal-ħmistax ta’ Novembru li ġej.
Il-messaġġ li se jitwassal b’dawn il-kartolini huwa wieħed pożittiv fejn l-adolexxenti u t-tfal li għalihom hu mmirat il-Festival se jkunu mħeġġa jgawdu l-ħajja mhux biss dik virtwali imma ukoll dik bogħod mill-kompjuter u t-teknoloġija.
Fil-kartolini se jidhru lokalitajiet f’Malta u Għawdex u attivitajiet sinonimi magħna l-Maltin.
L-istennija għall-Festival jidher li hi waħda kbira tant li l-biljetti tas-serata finali nbiegħu fi ftit ġranet. 
Apparti l-udjenza Maltija, se jkunu ħafna s-segwaċi barranin tal-Eurovision li se jiġu Malta għal dan l-avveniment.
Aktar kmieni dalgħodu l-linja nazzjonali ta’ Malta l-Air Malta saħansitra ħabbret skont għal dawk li se jivvjaġġjaw lejn Malta fil-ġranet tal-Festival.