“Bħal lum sitt snin ilu tliftek; kieku se tagħlaq 22 sena” – Omm Igor

Bħal lum sitt snin ilu miet Igor Scicluna fl-eta’ ta’ 15-il sena. F’messaġġ fuq Facebook, ommu qalet li kieku kien għadu ħaj, din is-sena Igor kien jgħalaq 22 sena.

Igor miet fit-23 ta’ Novembru tal-2013. Ftit tal-ġimgħat qabel il-mewt tiegħu, Igor kien qed jilgħab logħba football kontra t-tim tal-Imtarfa, waqa’ mal-art u ma setax ikompli jilgħab.  Minn hemmhekk bdew isirulu t-testijiet iżda wara ftit jiem Igor spiċċa tilef ħajtu.

Aqra: Filmat: “Igor nimmissjawk u nħobbuk”

F’messaġġ emozzjonanti, ommu qalet li dan il-jum huma jum ikrah u li bidlilha ħajitha totalment. Sostniet li ilha wisq ma tgħannaq lil binha. Irrakkuntat kif lejliet mewtu, Igor ried jorqod magħha u bdiet tfissdu. Qalet li qisu l-Mulej kien jaf li dik kienet l-aħħar ġurnata li kien se jkollhom flimkien. Insistiet li postu f’qalbha mhux se jittieħed minn ħadd.

It-tfajjel kien jilgħab mat-tim ta’ taħt is-17-il sena tal-Marsa.