Bħal-lum seba’ snin miet Lino Cassar

Bħal-lum seba’ snin, fit-8 ta’ Novembru 2012, kien miet Lino Cassar ta’ 78 sena, ġurnalista u kritiku tal-films, magħruf għall-kitba niggieża tiegħu f’karriera ta’ aktar minn 50 sena li għaliha fl-2007 kien rikonoxxut bil-Premju tad-Deheb fil-Ġurnaliżmu.

Lino Cassar kien kontributur fil-ġurnal tal-Partit Laburista Is-Sebħ fis-snin 50, editur tal-ġurnal Iż-Żmien bejn l-1967 u l-1971, kif ukoll ta’ Ix-Xewka, gazzetta politika-satirika ta’ darba fil-ġimgħa, bejn l-1965 u l-1978. Kien ukoll maniġer tal-Freedom Press. Huwa appuntu fil-qasam tal-ġurnaliżmu politiku-satiriku li Lino Cassar ta kontribut enormi. Kompla fuq it-tradizzjoni ta’ ġurnaliżmu politiku-satiriku li Ġino Muscat Azzopardi, l-ikbar ħabib ta’ Lino Cassar, u oħrajn qablu, ħallew ħajja għal snin twal. Kien ukoll kontributur regolari fuq It-Torċa bil-paġna Ħadd wara Ħadd fejn baqa’ magħruf għall-istil dirett u bla kantunieri li bih kien jaqsam ħsibijietu.

Cassar jibqa’ magħruf ukoll għall-imħabba kbira li kellu lejn iċ-ċinematografija tant li serva kemm fuq il-Bord taċ-Ċensura tal-Films u t-Teatru (1972-87) kif ukoll bħala Direttur Maniġerjali tal-Mediterranean Film Studios. Kien Kap tal-Films taċ-ċinema f’Xandir Malta (1975-83). Huwa kkontribwixxa kitbiet dwar films fuq diversi ġurnali u wkoll fil-Gwida, li għal bosta snin ħadem ukoll fuqha.

Bis-saħħa ta’ Lino Cassar Malta għandha l-Popeye Village, il-post fejn kien inħadem il-film ta’ Popeye fl-1980. Lino dejjem qal li wara li jintemm jinħadem xi film, is-sets li jsiru għalih wara jiġu żmantellati u mneħħija. Iżda meta wasal iż-żmien biex jintemm l-iffilmjar tal-film ta’ Popeye, Lino kien talab lil Dom Mintoff, il-Prim Ministru ta’ dak iż-żmien, biex jindaħal u ma jħallix li Popeye Village jispiċċa fix-xejn. Fil-fatt il-kumpanija tal-films ħalliet il-villaġġ kif kien u llum il-post huwa post turistiku kbir.

Lino Cassar ngħata Ġieħ ir-Repubblika, sena wara mewtu, fl-2013, b’rikonoxximent tas-servizz distint li huwa ta lis-soċjetà Maltija permezz tal-ġurnaliżmu.