Bħal-lum ħafna jbatu mill-Paraskevidekatriaphobia jew Friggatriskaidekaphobia

Iva, bħal-lum, il-Ġimgħa 13 tax-xahar, bosta nies ikollhom il-kundizzjoni ta’ dawk iż-żewġ kelmiet twal li ma nafux jekk xi ħadd hux kapaċi jippronunzjahom. Imma dawn ma jfissru xejn ħlief il-biża’ li xi wħud iħossu għax it-13 tax-xahar jaħbat ikun il-Ġimgħa!

Bosta nies jibżgħu min-numru 13. Fin-numeroloġija t-13 hu kunsidrat bħala numru ħażin jew ma jiswa xejn għaliex jiġi wara n-numru 12 li hu meqjus bħala numru sħiħ: hemm 12-il xahar fis-sena, 12-il sinjal fiż-Żodjaku, eċċ. Għalhekk, meta n-numru 12 jiżdied b’1, dan isir 13 u ma jkunx numru sħiħ għax xejn ma hu bi 13!


In-numru 13 tant hu meqjus numru li jġib risq ħażin li xi lukandi ma jkollhom kmamar bin-numru 13 jew jirreferu għas-sular 13 bħala tali. U l-ebda vapur ma jkun varat fit-13 tax-xahar wara li xini The HMS kienet varata f’din il-ġurnata u għebet fl-ewwel vjaġġ tagħha u ħadd qatt aktar ma sema’ aktar biha.

Qatt timmaġinaw li 10% tal-popolazzjoni fl-Istati Uniti huma Paraskevidekatriaphobes? Xi wħud imorru fl-estrem bħal ma joħorġux mid-dar jew ma jmorrux għand tabib. Tistgħu taħsbu kif ikunu l-Ħamis 12 tax-xahar meta jafu li l-għada se tkun dik il-ġurnata tal-waħx il-Ġimgħa 13!

Din is-sena se jkollna data oħra tal-Ġimgħa 13, f’Diċembru li ġej!