Bħal-lum 68 sena l-BBC xandar għall-ewwel darba programm politiku għall-elezzjonijiet

Ritratt: BBC

L-elezzjoni ġenerali fl-Ingilterra tal-1951 kellha xi ħaġa ġdida għal kollox meta l-BBC xandar fuq it-TV għall-ewwel darba programm politiku fil-15 ta’ Ottubru, 68 sena bħal-lum. L-ewwel li tkellem matulu kien Vicount Samuel għall-Partit Liberali.

Dak iż-żmien ma tantx kien hemm settijiet tat-TV fid-djar iżda l-partiti politiċi mill-ewwel indunaw l-effett li jkollhom bit-televiżjoni u ħatfu l-okkażjoni biex jidħlu fi djar l-elettorat biex jipperswaduhom għall-vot tagħhom.

Sir Hartley Shawcross għall-Partit Laburista u Anthony Eden għall-Partit Konservattiv

Samuel dam jitkellem 15-il minuta iżda ma laħaqx qal dak kollu li ried jgħid. Wara tkellmu Sir Hartley Shawcross għall-Partit Laburista u Anthony Eden għall-Partit Konservattiv. Iżda dawn dehru intervistati u ma qabżux il-ħin allokat għalihom. L-aktar li għoġob lill-poplu kien Samuel għax ir-raġel kien imdorri jitkellem fuq ir-radju.

Maż-żmien dawn ix-xandiriet politiċi għall-elezzjonijiet kibru fl-importanza u sal-1959 saru parti integrali mill-kampanji elettorali tal-partit politiċi fil-pajjiż.

Imma gerrbu s-snin u ntqal li llum il-ġurnata, wara 68 sena, meta familja tara li tkun ġejja xi taħdita politika, jieħdu l-okkażjoni biex iqumu minn quddiem it-TV, jixegħlu l-kitla u jagħmlu t-te.