Bħal-lum 64 sena miet James Dean

Kien bħal-lum 64 sena ilu li James Dean miet f’inċident bil-karozza tiegħu meta baqa’ dieħel bil-karozza Porsche 550 ġo siġra. Kien għad kellu biss 24 sena. Minkejja li għaddew dawn is-snin kollha, it-30 ta’ Settembru xorta għadha ġurnata li d-dinja tal-films baqgħet tfakkar lil dan l-attur ikona fl-anniversarju mill-mewt tiegħu. Dean għadu idolu għal bosta u l-American Film Institute klassifikat lil dan l-attur bħala t-18 l-aktar favorit minn fost 100.

Fil-ħajja qasira tiegħu James Dean ħa sehem f’xi produzzjonijiet kemm għat-televiżjoni, għall-palk u fiċ-ċinema.

Ritratt: Bert Six

L-ewwel dehriet tiegħu fiċ-ċinema kienu partijiet żgħar f’Fixed Bayonets (1951), Sailor Beware (1952) u Has Anybody Seen My Gal? (1952). Kienu t-tlett films ta’ wara li però wassluh biex jiġi nnutat u eventwalment jibqa’ mfakkar sal-ġurnata tal-lum: East of Eden (1955), Rebel Without A Cause (1955) u Giant (1956). Sakemm miet East of Eden biss kien għadu ħareġ fiċ-ċinema.

Il-mewt traġika ta’ James Dean xegħlet lid-dinja kollha, speċjalment lid-dinja taż-żgħażagħ li f’dik l-epoka donnhom bdew jirribellaw kontra s-soċjetà u kontra l-awtorità u kontra wkoll il-ġenituri tagħhom.

Il-mafkar għal James Dean fejn kien ħabat mas-siġra bil-karozza u miet

Hollywood kellu sehem kbir minn din l-influwenza fuq iż-żgħażagħ. Meta Dean miet, iż-żgħażagħ awtomatikament għażlu lilu bħala s-simbolu tal-ħolma taghhom li ma jagħtux kas l-awtoritajiet u li kważi kważi jaslu għal stat ta’ anarkija. Il-kult li ħalla warajh James Dean, meqjus ukoll bħala ‘żagħżugħ ribell’ għadha hemm, x’aktarx iżjed qawwi milli qatt kien.

Kurżitajiet dwar il-films ta’ James Dean

Rebel Without A Cause (1955)

• Il-bejgħ tat-T-shirts spara b’mod fenomenali wara l-ħruġ ta’ dan il-film wara xeni ta’ James Dean liebes lilhom.

• James Dean kien weġġa’ jdejh waqt ix-xena fejn isabbat fuq l-iskrivanija fl-għassa tal-Pulizija.

• Dean għal naqra ma ħadimx dan il-film minħabba li kien ikkuntrattjat għal Giant. Iżda Elizabeth Taylor kienet ħarġet tqila u sakemm welldet lil binha ġie pospost il-proġett u b’hekk James Dean kien liberu biex jagħmel Rebel Without A Cause.

East of Eden (1955)

• Id-direttur Elia Kazan ta lil Dean ħafna alkoħol qabel ma ġibda x-xena tal-ġlieda fuq is-saqaf bejn Cal u Abra.

• James Dean u Paul Newman għamlu screen tests flimkien għall-partijiet tal-aħwa rivali.

• Dean irrifjuta li jattendi għall-premiere ta’ dan il-film u kważi kważi tilef l-opportunità li jaħdem f’Giant minħabba fid-deċiżjoni tiegħu.

Giant (1956)

• Id-direttur George Stevens xtaq lil Alan Ladd fil-karattru ta’ Jett Link. Ladd kien tilef ħafna mill-popolarità tiegħu f’dak il-perjodu u l-parti spiċċa ħadha James Dean.

• Minħabba li Dean miet waqt li kien għaddej l-aħħar filmati għal Giant, iddaħħal l-attur Nick Adams biex jipprovdi l-vuċi tiegħu għal xi linji li oriġinarjamentu kellhom ikunu xeni li Dean kellu jaħdem.

• Giant kien l-iktar film li daħħal flus lil Warner Bros sakemm inħareġ il-film Superman (1980).