Bħal-lum 57 sena beda x-xandir televiżiv f’Malta

Joan Borg Cardona, l-ewwel announcer fuq il-Malta TV

Id-data tal-lum, id-29 ta’ Settembru, huwa jum importanti fix-xena televiżiva lokali għax kien proprju bħal-lum 57 sena ilu, fit-8pm, li bdiet l-ewwel xandira televiżiva tal-Malta TV, illum magħruf bħala TVM, immexxi mill-Public Broadcasting Services.

Mill-għada, l-ewwel stazzjon televiżiv Malti kien jopera madwar 4 sigħat kuljum bejn is-6pm u l-10pm.

Joan Borg Cardona kienet l-ewwel announcer li dehret fuq l-iskrins tat-televiżjoni Maltija.

Il-ftuħ tal-Malta TV beda fit-8pm biċ-ċerimonja tal-ftuħ bid-diskors minn F.J. Bellchambers, bħala ċ-chairman tal-Malta Television Service Limited. Wara kien tkellem il-Gvernatur ta’ Malta Sir Maurice Dorman, segwit minn messaġġ mill-Arċisqof Michael Gonzi. Fl-aħħar tkellem il-Prim Ministru ta’ Malta Ġorġ Borg Olivier.

L-ewwel jum ta’ trasmissjoni kien jinkludi bosta varjetajiet fosthom wieħed bi produzzjoni u preżentazzjoni ta’ Victor Aquilina u li kien jinkludi s-sehem ta’ Charles Clews, Victor Briffa, Sergio Endrigo, Raymond Debono u Gianni Meccia.

Fost il-programmi li spikkaw fl-ewwel ġimgħa kien hemm The Abbott and Costello Show, The Count of Montecristo, William Tell u Doctor Kildare.

Kien hemm ukoll bosta programmi bil-Malti bis-sehem ta’ Lewis Portelli, Victor Vassallo u Carmen Carbonaro.