Bħal-lum 56 sena tfaċċa Doctor Who

William Hartnell, l-ewwel Doctor Who, fit-22 ta’ Novembru, 1963.. Ritratt: BBC

Nhar is-Sibt 23 ta’ Novembru 1963 fis-6.16pm (ħin ta’ Malta) beda jixxandar l-ewwel programm ta’ sensiela ġdida fuq il-BBC bl-isem ta’ Dr Who. Dan kellu jkun programm regolari ta’ kul ġimgħa b’kull episodju tul ta’ 25 minuta. L-iskop oriġinali kellu jkun programm ta’ edukazzjoni biex il-familja kollha titgħallem dwar ideat xjentifiċi billi jmorru lura f’mumenti storiċi fl-istorja.

Iżda t-tema nbidlet u l-istorja bdiet iddur madwar Time Lord, magħruf bħala The Doctor, ħlejqa ta’ barra minn din id-dinja, li fl-apparenza kien jidher bħala bniedem, ġej mill-pjaneta Gallifrey.

Id-Doctor jibda jesplora l-univers fi space ship insejħa TARDIS li minn barra tkun tidher qisha kaxxa tat-telefon, ħaġa komuni ħafna fl-Ingilterra f’dak iż-żmien, imma ġewwa hu kbir ħafna attrezzat b’makkinarju litteralment ta’ barra minn hawn. L-ewwel Doctor Who kien William Hartnell.

Doctor Who baqa’ għaddej mill-1963 sal-1989 meta twaqqaf. Iżda reġa’ tfaċċa fl-2005 fejn għadu għaddej sal-lum.

L-atturi kollha li ħadmu l-parti ta’ Doctor Who mill-1963 b’mod kronoloġiku, mix-xellug għal-lemin, minn fuq għal isfel: William Hartnell, Patrick Troughton, Jon Pertwee, Tom Baker, Peter Davison, Colin Baker, Sylvester McCoy, Paul McGann, Christopher Eccleston, David Tennant, Matt Smith, Peter Capaldi u Jodie Whittaker. Ritratt: BBC

Matul dawn is-snin kollha kien hemm 13-il attur li ħadmu l-parti prinċipali, bl-aktar waħda riċenti tkun Jodie Whittaker, li ħadet il-parti minn idejn Peter Capaldi li waqaf mis-sensiela fl-episodju speċjali tal-Milied tal-2017 li kien jismu Twice Upon a Time.