Bħal-lum 50 sena ħareġ l-aħħar album tal-Beatles

Fit-8 ta’ Mejju 1970 ħareġ l-aħħar studio album tal-grupp Ingliż The Beatles. L-album Let It Be ħareġ kważi xahar wara li l-grupp ħabbar li kien se jisfaxxa bil-membri tiegħu jaqbdu lkoll karriera għal rashom.

Bħal kważi l-kumplament tal-albums tal-Beatles dan ukoll spiċċa fil-quċċata tal-klassifika ta’ bosta pajjiżi fid-dinja, inklużi l-Ingilterra u l-Istati Uniti. Madankollu l-kritiċi kellhom opinjonijiet differenti dwar il-kwalità tiegħu u bosta jqisuh bħala wieħed mill-aktar albums tar-Rock kontroversjali.

Jingħad li fil-perjodu tal-irrekordjar tal-album kien hemm problemi bejn l-erba’ Beatles. Darba minnhom George Harrison u John Lennon ġew fl-idejn u taw bil-ponn. Iżda Harrison ftit tal-jiem wara li ħarġet l-aħbar kien pront innegaha u qal biss li kien hemm mumenti ‘meta ma qbiliex’.

It-tracks

1. Two of Us; 2. Dig a Pony; 3. Across the Universe; 4. I Be Mine; 5. Dig It; 6. Let it Be; 7. Maggie Mae. 8. I Got a Feeling; 9. One After 909; 10. The Long and Winding Roads; 11. ForYou Blue; 12. Get Back.

Fl-istess żmien kien ħareġ film dokumentarju bl-istess isem dwar il-provi u l-irrekordjar ta’ dan it-12-il album li kien l-aħħar wieħed rekordjat fi studjo.