Read in English.
Propju bħal lum 24 sena ilu, Fr Martin Micallef, id-Direttur tad-Dar tal-Providenza, kien ordnat saċerdot.
Permezz ta’ post fuq Facebook, Fr Martin radd ħajr lill-Mulej għal dak kollu li għamel miegħu. Talab ukoll biex il-Mulej jagħtih is-saħħa biex ikompli jservih.
Kienu għexieren tal-persuni li kkummentaw fuq il-post ta’ Fr Martin u filwaqt li awgurawlu f’dan il-jum tant speċjali għalih, għamlulu l-kuraġġ għal dak li se jkun qed jaffaċċja fil-jiem li ġejjin.
Fl-aħħar jiem, id-Dar tal-Providenza ħabbret li Fr Martin se jkun qed jieħu pass lura mill-irwol uffiċjali tiegħu, b’mod temporanju, sakemm jiġġieled il-marda tal-kanċer. Waqt intervista ma’ Jes Saliba fuq il-programm Newsbook Hour fuq 103 Malta’s Heart, Fr Martin spjega li nhar it-Tnejn se jibda t-trattament għall-kanċer li ħakmu, li t-tobba qalulu li jista’ jitfejjaq.
Fr Martin kien spjega kif il-pandemija tal-coronavirus affettwat lid-Dar. Stqarr li beża’ fil-bidu tal-pandemija minħabba li ma kienx jaf x’se jiġri, meta beda jisma’ bi djar simili barra minn Malta fejn mietu ħafna residenti. Għalhekk, bdew pjan ta’ kontinġenza billi, pereżempju, bdew jieħdu t-temperatura tal-ħaddiema, jitolbuhom jinżgħu ż-żraben u jbiddlu ħwejjiġhom meta jaslu.
Tista’ turi l-apprezzament tiegħek lil Fr Martin u l-ħidma tad-Dar tal-Providenza billi tagħti donazzjoni minn hawn.