Bħal-lum 20 sena miet il-preżentatur Taljan Corrado; Illejla Canale 5 jfakkar il-memorja tiegħu

Ritratt: Mediaset

Kien fit-8 ta’ Ġunju 1999 li f’Ruma miet il-preżentatur Taljan Corrado Mantoni, meqjus bħala wieħed mill-missirijiet tat-televiżjoni Taljana. It-tnejn l-oħra huma Raimondo Vianello u Mike Bongiorno.

Proprju llejla biex ifakkaru l-memorja  ta’ dan il-preżentatur ċelebri, Canale 5 llejla se jkun qed ixandar l-aħħar puntata tal-programm La Corrida li Corrado kien jippreżenta b’suċċess fuq dan l-istazzjon.

Il-puntata li se terġa tixxandar illejla hi dik tat-22 ta’ Diċembru 1997 u li kienet l-aħħar waħda li kienet saret wara li damet għaddejja b’suċċess għal 10 snin. Illum il-ġurnata l-programm sab postu fuq Rai Uno bi tmexxija ta’ Carlo Conti.

Biex jitfakkar Corrado, illejla eżatt qabel ma tixxandar din il-puntata storika ta’ La Corrida, se jkun qed jagħmel l-introduzzjoni l-preżentatur popolari Gerry Scotti, li għal tmien snin kien ippreżenta huwa wkoll il-programm La Corrida mill-2002 ‘il quddiem. Kien l-ewwel suċċessur ta’ Corrado għall-programm La Corrida.