​Bħal-lum 14-il sena ilu Malta daħlet fl-UE

Bħal-lum 14-il sena ilu Malta saret membru tal-Unjoni Ewropea. Dan wara r-riżultat tar-referendum dwar is-sħubija ta’ Malta fl-Unjoni Ewropea li kien sar fit-8 ta’ Marzu tal-2003, fejn il-maġġoranza kienet ivvotat favur sħubija. 
Is-sena l-oħra Malta kellha f’idejha l-presidenza tal-UE fejn il-President tal-Kunsill Ewropew Donald Tusk kien qal li  l-Presidenza Maltija kienet waħda mill-aqwa esperjenzi li qatt kellu fil-ħajja professjonali tiegħu. 
F’messaġġ li tella’ fuq Facebook illum, il-kap tad-delegazzjoni Nazzjonalista fil-Parlament Ewropew David Casa fakkar kif 14-il sena ilu, Malta għamlet dik li sejjaħ bħala ‘l-qabża tal-fidi grazzi għall-viżjoni li kellu l-eks Prim Ministru Eddie Fenech Adami, u l-Moviment Iva minn fejn Casa beda l-karriera politika tiegħu. 
Huwa appella sabiex Malta ma tinsa qatt il-ħidma tagħha fil-passat, u biex flimkien, kulħadd jaħdem biex jagħmel minn Malta pajjiż aħjar, b’valuri u prinċipji sodi.
Intant illum ukoll, Malta bħal bosta pajjiżi oħra, qed tfakkar Jum il-Ħaddiem.