“B’għemilna spiss għamilna bħal Pietru u ċħadna lil Ġesù”

L-Arċisqof ta’ Malta Charles Scicluna saħaq kif “Minjaf kemm-il darba, b’għemilena, għamilna bħalma għamel Pietru u ċħadna lil Ġesù.”
Waqt l-omelija taċ-ċelebrazzjoni tal-quddiesa f’Ħadd il-Palm, l-Arċisqof sostna li j’Alla jkollna l-umiltà, is-sabar u l-għerf niskopru min hu Ġesù u nitolbu l-grazzja biex tassew insiru nafuH.
Meta kien qed jagħmel riflessjoni fuq dak li qal Pietru, meta għal tliet darbiet ċaħad li jaf lil Ġesù, u qal li din hi ċaħda tremenda.
L-Arċisqof semma kif illum bdejna ġimgħa qaddisa li trid tgħarrafna sew min hu l-Mulej u sostna li mingħajr din il-ġrajja li qed niċċelebraw b’mod solenni, ma nistgħux tassew inkunu nafu min hu l-Mulej.
Mons. Scicluna qal li, min-naħa l-oħra, iċ-ċaħda ta’ Ġuda hi waħda ta’ qsim il-qalb, ta’ bniedem li gideb u ttradixxa demm mingħajr ħtija. Aħna niftakru, iżda, li dak id-demm hu d-demm tal-patt, li qed jixxerred għall-kotra, għall-maħfra tad-dnubiet, li jneħħi l-ħtija ta’ kull wieħed u waħda minnha.
Ritratti: Ian Noel Pace