Bgħattha l-formola tat-taxxa? Minn għada jitqassam iċ-Children’s Allowance

Minn għada, id-Dipartiment tas-Sigurtà Soċjali se jibda jqassam il-pagamenti tal-Allowance tat-Tfal dovuti għall-perjodu mis-6 ta’ Jannar sas-6 ta’ April 2018.
Fi stqarrija, id-Dipartiment fakkar li kif għamel mill-2013, qed jantiċipa dawn il-pagamenti bi tliet ġimgħat biex jgħinu lill-familji għall-ispejjeż relatati mal-Milied u anke mal-bidu tal-iskola.
Il-pagamenti tal-Allowance tat-Tfal dovuti għas-sena 2018 qed jinħadmu fuq id-dħul li l-ġenituri jkollhom fis-sena 2016. Dan ikun ibbażat fuq informazzjoni li d-Dipartiment tat-Taxxi Interni jkun ġabar mill-aħħar formoli tat-taxxa li jkunu ntbagħtu lilu għas-sena bażi 2016.
Id-Dipartiment javża li jekk  id-dħul tal-ġenituri bejn l-2015 u l-2016 ikun żdied, b’aktar miż-żieda tal-għoli tal-ħajja għas-sena 2016, jista’ jkun li tonqsilhom ir-rata tal-Allowance tat-Tfal.
Dawk li d-dħul tagħhom bejn l-2015 u l-2016 ma żdiedx b’aktar miż-żieda tal-għoli tal-ħajja mogħtija fl-2016, ir-rata tagħhom jew tibqa’ l-istess jew tista’ tiżdied.
Id-Dipartiment tas-Sigurtà Soċjali jappella lill-ġenituri kollha, li jkunu obbligati li jibgħatu l-formola tat-taxxa lid-Dipartiment tat-Taxxi Interni, biex jagħmlu dan kull sena fiż-żmien stipulat sabiex ir-rata tal-Allowance tat-Tfal tinħadem tajba mill-ewwel kull meta tinbidel is-sena.
Għal aktar informazzjoni wieħed jista’ jżur l-eqreb uffiċċju distrettwali tas-Sigurtà Soċjali jew iċempel freephone 153.