B’feriti gravi wara li laqqat daqqa ta’ flixkun f’Paceville

Read in English.

Raġel spiċċa b’feriti gravi wara li laqqat daqqa ta’ flixkun waqt li kien fi club f’Paceville.

Fil-Qorti nstema’ kif raġel ta’ 37 sena residenti l-Imsida allegatament xejjer daqqa ta’ flixkun lil raġel ieħor ilbieraħ fil-5 am. Hu ġie arrestat mill-Pulizija wara li għarfu l-allegat vittma. L-imputat wieġeb li mhux ħati tal-akkużi miġjuba kontrih.

L-imputat, li ma jaħdimx, deher fil-Qorti b’idu fil-ġibs. Skont il-Pulizija, dan għaliex meta ddaħħal fiċ-ċella kien nervuż u ta daqqa lill-ħajt taċ-ċella.

Il-Qorti laqgħet it-talba għall-ħelsien mill-arrest li saret mid-difiża. L-akkużat qal li bħalissa qed jieħu ħsieb lil wieħed mill-qraba tiegħu li jiddependu fuqu biex jagħtihom l-insulina u għalhekk kien importanti li ma jkunx fil-ħabs. Il-prosekuzzjoni ma oġġezzjonatx għal dan. Ingħata l-ħelsien mill-arrest fuq garanzija personali ta’ €8,000.

Il-Qorti ħarġet ordni ta’ protezzjoni għall-vittma. Dan ifisser li l-akkużat ma jistax jikkomunika magħha. L-akkużat se jkollu jiffirma fl-Għassa tal-Pulizija tliet darbiet fil-ġimgħa. Ma jistax joħroġ bejn il-11 pm u s-7am u ma jistax jersaq lejn Paceville.

L-avukat tal-għajnuna legali kien Dr Ben Valencia. Il-prosekuzzjoni tmexxiet mill-Ispettur Leeroy Balzan Engerer.