Bezzina jipproponi li t-tesserati jfasslu l-politika tal-PN

Il-kandidat għall-kariga ta’ Viċi Kap għall-Affarijiet tal-Partit Nazzjonalista, Toni Bezzina, qal li t-tesserati tal-Partit Nazzjonalista għandhom ikunu aġġornati kontinwament dwar il-ħidma fil-partit biex jikkontribwixxi għall-politika tiegħu.
Waqt laqgħat ma’ tesserati u attivisti tal-partit fil-każini, huwa sostna li minkejja li l-partit jitmexxa minn Kap wieħed, u Viċi Kapijiet appuntati mit-tesserati, għalih dan ma jfissirx li l-ideat għanhom jiġu minnhom biss.
Anzi, Bezzina stqarr li l-għan tal-partit għandu jkun li jattira lil persuni innovattivi li kapaċi jmexxu ‘l quddiem l-iktar setturi importanti għas-suċċess ta’ dan il-pajjiż.
Dan hekk kif Bezzina ppreżenta għaxar proposti li skontu għandhom isaħħu l-partit, u jgħinuh jattira iktar membri tas-soċjetà Maltija lejh.  
Fi stqarrija, Bezzina qal li l-iktar proposta importanti hija dik li l-Programm Elettorali jiġi mħejji minn ideat kemm tal-Partit kif ukoll ta’ persuni kkonċernati mis-suġġett jew il-qasam li jkun qed jiġi diskuss.
Skont Bezzina, dan id-djalogu kontinwu għat-tfassil tal-proposti tal-partit għandu jibda mill-iktar fis, sabiex il-partit jilħaq jissaħħaħ sal-elezzjoni ġenerali li jmiss.