Bezos jaqbel li jagħti somma ta’ $36 biljun biex jiddivorzja lill-mara

Ir-raġel l-aktar sinjur fid-dinja, Jeff Bezos u martu Mackenzie qablu fuq somma rekord għad-divorzju, fejn Bezos se jkun qed iħallasha $35 biljun, ekwivalenti għal aktar minn €31 biljun.

Mart Bezos se tkun qed iżomm ukoll 4% tal-ishma fil-ġgant tal-bejgħ onlajn Amazon, li Jeff Bezos huwa l-fundatur tagħha. Huma kienu ilhom miżżewġin għal 25 sena. Hi se tkun qed twaqqa’ l-interessi tagħha fil-gazzetta Washington Post u fil-kumpanija tal-ivjaġġar spazjali ta’ Bezos, Blue Origin.

MacKenzie ħabbret dan fi tweet fejn qalet li tinsab kuntenta li wasal fi tmiemu l-proċess li bih se tiddissolvi ż-żwieġ tagħha ma’ Jeff. Il-koppja għandhom erbat itfal u kien ilhom flimkien minn qabel ma Bezos beda l-kumpanija Amazon fl-1994. Hi kienet waħda mill-ewwel impjegati li kellha l-kumpanija.