Aġġornata (2): Betsson tnaqqas 160 ħaddiem internazzjonalment; 130 minn Malta

Il-kumpanija internazzjonali tal-gaming, Betsson, li hi wkoll l-akbar kumpanija tax-xorti tagħha f’Malta, se tnaqqas 160 ħaddiem madwar il-kumpaniji tagħha mferrxa mad-dinja.
Skont intervista li għamlet it-Times of Malta mas-CEO Jesper Svensson, 130 ħaddiem, li jinkludu 46 Malti, tkeċċew mill-kumpanija f'Malta permezz ta' ittra.
Is-sit Globe News Wire irrapporta lill-Kap Eżekuttiv ta’ Betsson, Pontus Lindwall, jgħid li se jiddaħħlu miżuri ġodda biex jitjieb l-operat u jkun hemm ristrutturar organizzattiv li jgħinu biex ikun hemm responsabbiltajiet aktar ċari.
Żied jgħid li dan se jwassal għal aktar effiċjenza.
Dawn il-bidliet ddaħħlu minn dax-xahar, u l-ispejjeż għal dan ir-ristrutturar wieħed ikun jista’ jarahom fir-rapport għall-ewwel kwart tas-sena.
Il-kumpanija qed tistma li tnaqqas l-ispejjeż b’bejn wieħed u ieħor €6 miljun.
Il-Gvern kuntent li Betsson se żżomm il-kwartieri tagħha f’Malta
Sadanittant, fi stqarrija s-Segretarju Parlamentari għall-Ekonomija Diġitali, Silvio Schembri, qal li l-Gvern hu kuntent li minkejja dawn ir-riformi, Betsson għażlet li żżomm il-kwartieri tagħha f’Malta.
Madankollu fl-istqarrija m’hemmx indikazzjoni jekk hux se jitkeċċew ħaddiema f’Malta minn dawk il-160.
Iżda l-istqarrija tgħid li l-industrija tal-gaming f’Malta għaddejja tajjeb tali mod li jekk ikun hemm xi tnaqqis ta’ ħaddiema dawn ċert li jiġu assorbiti minn operaturi oħra.
Betsson AG kienet minn tal-ewwel kumpaniji tal-gaming li ngħatat il-liċenzja f’Malta fl-2004, u tħaddem aktar minn 1,900 ħaddiem fi 12-il lokalità f’Malta.
Schembri qal li l-industrija tal-gaming irreġistrat tkabbir ta’ 11.6%, u mistennija żżomm dan ir-ritmu.
F’Malta hawn 9,000 persuna jaħdmu f’din l-industrija.
Il-PN irid li jinħolqu setturi ġodda fl-ekonomija.
Il-Partit Nazzjonalista qal li Malta trid tkompli toħloq setturi ekonomiċi ġodda li jagħtu bilanċ u stabilità lill-ekonomija.
Fi stqarrija, il-PN qal li għalkemm kien hemm numru ta’ ħaddiema barranin li tilfu x-xogħol ukoll, qal li dawn illum huma parti mill-ekonomija Maltija u għalhekk jikkontribwixxu fit-taxxi, bl-infiq li jagħmlu u l-kirjiet li jħallsu.
Qal li huwa importanti li l-Gvern u l-Oppożizzjoni jaħdmu flimkien għax fi kliem il-Partit Nazzjonalista “dan hu settur li nbena fuq is-sisien sodi u l-investiment grazzi għall-viżjoni fit-tul tal-Partit Nazzjonalista fil-ħolqien ta’ setturi ġodda”.
Il-Partit Nazzjonalista jittama li ditti oħrajn f’dan il-qasam joffru impjiegi biex jassorbu dan it-telf ta’ impjiegi minn mal-Betsson.
Wera wkoll is-solidarjetà mal-ħaddiema li tilfu x-xogħol tagħhom filwaqt li esprima t-tħassib tiegħu għal din is-sitwazzjoni.