Betlehem f’Għajnsielem reġa’ magħna

Ritratt: George Scerri / MGOZ

Il-Ministru għal Għawdex Justyne Caruana, b’kollaborazzjoni mal-Kunsill Lokali tal-lokalità ta’ Għajnsielem, ħabbret edizzjoni oħra ta’ Betlehem f’Għajnsielem.

Din hija l-11-il edizzjoni ta’ din l-attività u din is-sena, bħal u aktar minn snin oħra, ser tkun attrazzjoni unika għall-eluf ta’ Għawdxin, Maltin kif ukoll barranin li jiġu jqattgħu l-Milied ġewwa l-gżira Għawdxija.

Ritratt: George Scerri / MGOZ

Il-Ministru għal Għawdex Justyne Caruana qalet li Betlehem f’Għajnsielem huwa wieħed mill-aktar avvenimenti marbutin mal-Milied importanti fil-kalendarju kulturali ta’ Għawdex. Dan hekk kif il-lokalità t’Għajnsielem tagħti l-ħajja lill-villaġġ ieħor mifrux fuq 200,000 metru kwadru li fih tiġi rikreata x-xena tan-Nativita’ b’mod ħaj. Dan appuntu minħabba li din il-lokalità tiċċelebra din il-festa tant għażiża għalina l-Għawdxin b’mod differenti u uniku, kompliet tgħid. Il-Ministru Caruana kompliet titkellem fuq l-impatt li qed jagħmel Betlehem f’Għajnsielem fuq il-promozzjoni nnifisha ta’ Għawdex bħala l-gżira tal-Milied.  Fil-fatt, ripetutament, dan il-villaġġ qed jiffigura ferm aktar u aktar fuq il-media internazzjonali qalet il-Ministru. Il-Ministru għal Għawdex qalet li madanakollu, l-aktar element li jispikka minn attività bħal din hija l-impenn tal-volontarjat li huwa fundamentali sabiex attivita’ bħal din tittella’ b’mod professjonali.  Hija żiedet li l-Ministeru għal Għawdex, anke meta jara impenn bħal dan, joffri l-għajnuniet kollha meħtieġa, kemm f’sapport finanzjarju kif ukoll sapport b’modi oħra, sabiex jassisti sabiex minn sena għal sena tittella’ din l-attività.

Min-naħa tiegħu, is-sindku ta’ Għajnsielem Kevin Cauchi rringrazzja lill-Ministru u lill-Ministeru għal Għawdex għall-għajnuna li dejjem tat meta ttellgħu attivitajiet simili anke fis-snin passati.  Huwa nnota kif mingħajr l-għajnuna neċċessarja tal-Ministeru, attività fuq livell u skala bħal din ma kinitx tkun possibli.  Qal ukoll kif l-element tal-volontarjat, li biż-żmien qed jonqos anke fl-organizzazzjoni ta’ attivitajiet kbar, għandu jibqa’ l-fulkru sabiex titkompla inizjattiva li issa kważi kważi saret tradizzjoni marbuta mal-lokalità.  Huwa awugra u appella sabiex aktar persuni jersqu viċin il-kumitat organizzativ u jagħtu daqqa t’id b’mod volontarju għal din l-attività.

Ritratt: George Scerri / MGOZ

Id-Direttur għall-Wirt Kulturali, is-Sur John Xuereb qal li l-Ministeru kien u ser jibqa’ impenjat sabiex ikompli jħawwar il-kalendarju kulturali Għawdxi kemm jista’ jkun b’attivitajiet varji li jolqtu l-gosti ta’ kulħadd. Huwa saħaq dwar l-importanza tal-varjetà filwaqt li jinżamm il-livell li bih Għawdex qed jiġi promoss fuq skala internazzjonali għall-attivitajiet tematiċi li qed itella’ matul is-sena kollha.

Betlehem f’Għajnsielem jiftaħ uffiċjalment għada l-Ġimgħa, 13 ta’ Diċembru 2019 u jibqa’ miftuħ sal-wasla tas-Slaten Maġi fil-5 ta’ Jannar 2020.