Bethlehem f’Għajnsielem b’kontribut kbir għat-turiżmu lejn Għawdex – GTA

L-Assoċjazzjoni tat-Turiżmu f’Għawdex tinsab sodisfatta bit-turiżmu lejn Għawdex matul il-ġranet tal-festi fi tmiem is-sena li għaddiet.
Il-GTA qalet li n-numri pożittivi kien frott ukoll tat-turiżmu intern li żdied.
Fi stqarrija, il-GTA tgħid li n-numru tal-Maltin li marru Għawdex hija prova oħra li l-gżira saret destinazzjoni mfittxija għaż-żmien tal-festi tal-Milied u l-Ewwel tas-Sena.
Huwa stmat li aktar minn 100,000 persuna żaru l-attività Bethlehem f’Għajnsielem u dan kien ta’ benefiċċju għal-lukandi u r-ristoranti.
L-Assoċjazzjoni qalet li kontribut ieħor kienu l-bosta attrazzjonijiet li kien hemm f’Għawdex matul ix-xahar ta’ Diċembru bit-tema ‘Christmas in Gozo’.
Il-GTA qalet li dan kien eżempju kif il-partijiet kollha involuti taw il-kontribut tagħhom għat-tkabbir ekonomiku u soċjali f’Għawdex.