Bernard Grech u Roberta Metsola jgħaddu lil Delia – stħarriġ

Read in English.

Stħarriġ speċjali tal-gazzetta MaltaToday wera li l-avukat Bernard Grech u l-Membru Parlamentari Ewropew Roberta Metsola għandhom aktar appoġġ mill-Kap attwali tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia.

Dan l-istħarriġ sar matul il-ġimgħa li għaddiet fost 496 persuna li għażlu li jwieġbu l-mistoqsijiet dwar liema persuna jkun l-aħjar fit-tmexxija tal-PN. Il-gazzetta għażlet li ssemmi 5 ismijiet fosthom ta’ Grech u Metsola, Joe Giglio u Claudio Grech u kif ukoll Adrian Delia.

Kif jixhdu n-numri, l-ebda persuna ma għandha fiduċja għolja bil-gazzetta tgħid li t-tandem ta’ bejn Bernard Grech u Roberta Metsola jappella l-aktar għall-pajjiż.

  • Bernard Grech – 15.1%
  • Roberta Metsola – 12.9%
  • Adrian Delia – 10.7%
  • Joe Giglio – 5.9%
  • Claudio Grech – 3.4%

Aktar kmieni dan ix-xahar Membri Parlamentari Nazzjonalisti kienu kkummentaw ma’ Newsbook.com.mt dwar stħarriġ ieħor li juri li n-nies għandhom ħafna aktar fiduċja fi Chris Fearne milli għandhom f’Adrian Delia. Qalu li jekk il-Partit Nazzjonalista ma jiġġeddidx, la jsalva l-partit u lanqas ikun jista’ jsalva lil Malta.

Metsola l-aqwa f’Għawdex

Roberta Metsola hija l-aktar persuna fdata min-Nazzjonalisti f’Għawdex b’aktar minn kwart (27.1%) jagħżlu lilha bħala l-persuna li kapaċi tmexxi lill-Partit. Delia ġie t-tieni b’12.6%.

Delia b’saħħtu mal-pensjonanti

Adrian Delia huwa l-aktar b’saħħtu mal-pensjonanti bl-istħarriġ jindika li fil-grupp ta’ nies li għandhom aktar minn 65 sena hemm 18.5% li jafdaw l-aktar lilu. Bernard Grech ġie t-tieni b’15.4%.

L-ebda persuna ma tegħleb lill-PL

Għalkemm Metsola tidher l-aktar waħda b’saħħitha kontra l-Partit Laburista, l-ebda persuna minn dawn ma rnexxielhom jegħlbu lil Chris Fearne jew lil Robert Abela, iż-żewġ kandidati għall-elezzjoni ta’ Mexxej tal-Partit Laburista.

Metsola ġġib l-aktar kontra Robert Abela b’35.7% kontra 50.1% filwaqt li Bernard Grech iġib 34.8% kontra 49.9%. Bi Chris Fearne bħala Mexxej tal-PL, Metsola ġġib 34% filwaqt li Grech iġib 31.5%.

Il-PN iżid is-sapport

Il-Partit Nazzjonalista żied is-sapport tiegħu u tela’ għal 29.5% bil-Partit Laburista naqqas żewġ punti perċentwali biex issa jgawdi 41.5% tas-sapport. Dan juri li ddistakk bejn il-partiti għadu ta’ 12%.

Tista’ tara l-faċċata tal-gazzetti tal-Ħadd hawnhekk.