Filmat: Jekk il-pajjiż, il-partit isejjaħli lest li nikkunsidra – Bernard Grech

Read in English.

“Jekk il-pajjiż isejjaħli, jekk il-partit isejjaħli u importanti li l-ewwel il-pajjiż għax aħna nidħlu fil-politika mhux għall-partit iżda għall-pajjiż, jien, iva, jiena lest li nikkunsidra l-pożizzjoni tiegħi f’dak li jista’ jkun hemm bżonn”.

Din kienet it-tweġiba ċara ta’ Dr Bernard Grech għall-mistoqsija ta’ Fr Joe Borg dwar x’jagħmel jekk nhar il-Ġimgħa l-Kunsill Ġenerali jiddeċiedi li għandu jibda l-proċess għall-għażla ta’ kap tal-Partit Nazzjonalista.

Qed inġibu b’mod sħiħ il-mistoqsijiet ta’ Fr Joe Borg u t-tweġibiet li ta Dr Bernard Grech.

Probabbli li minn hawn u ftit ieħor it-tesserati jkunu msejħa biex itellgħu leader. Int x’se tagħmel?

Sitt xhur ilu, f’Novembru, Diċembru, wara li smajt lin-nies, ħassejt li għandi nikkunsidra jekk noħroġx għall-elezzjoni ġenerali. Kont iddeċidejt f’Jannar li jekk il-PN isejjaħli nkun lest li noħroġ għall-elezzjoni.

Issa saret deċiżjoni unanima fl-Eżekuttiv, fuq proposta imbuttata mill-Kap tal-Partit Adrian Delia u mit-tabib Michael Axiaq. Jien ħadt pjaċir li sar dan il-qbil għax il-Kap tal-PN b’umiltà kbira poġġa lilu innifsu għad-deċiżjoni tal-Kunsill Ġenerali. Huwa tela’ b’mod demokratiku u issa qed jagħżel li jmur għat-triq demokratika. Qed jgħid li jrid li jiddeċiedu l-istrutturi tal-partit, kif jiena napprezza li qed jagħmel. Il-Kunsill Ġenerali issa jrid jagħżel bejn li jmur għand it-tesserati biex jitlob fiduċja f’Adrian Delia u allura jkun hemm Adrian Delia waħdu quddiem it-tesserati jew jagħżel li t-tesserati jagħżlu bejn Delia u persuni oħra.

U inti x’se tagħmel?

Jiena ma għandi l-ebda problema. Jiena qatt ma kelli pjan li nitkellem fuq il-politika biex nidħol fil-politika. Dan jiena ttrażmettejtu. Kelli opportunità li noħroġ kieku kelli pjan li noħroġ għall-politika. Kont stajt noħroġ għall-aħħar elezzjoni ġenerali jew tal-MEPs. Kelli talba mill-partit. Issa f’Jannar li għadda ddeċidejt li noħroġ għall-elezzjoni ġenerali.

Illum nafu li hemm ċirkostanzi differenti. Għalija l-ewwel ħaġa importanti ħafna li qegħdin nimxu lejn din l-elezzjoni b’mod demokratiku, skont ir-regoli u skont l-istatut. Allura jekk jiġi li nhar il-Ġimgħa jkun hemm deċiżjoni jien irrid nikkunsidra jien x’irrid nagħmel.

Però rrid ngħidlek ħaġa importanti. Jekk il-pajjiż isejjaħli, jekk il-partit isejjaħli u importanti li l-ewwel il-pajjiż għax aħna nidħlu fil-politika mhux għall-partit iżda għall-pajjiż, jien  iva jiena lest li nikkunsidra l-pożizzjoni tiegħi f’dak li jista’ jkun hemm bżonn.

Jiena ċar u tond mhux qed ngħidlek li jiena irrid noħroġ għall-kap, mhux qed ngħidlek hekk, jien qed ngħidlek li lest li nkun il-bidillu tal-partit jekk huwa ta’ ġid biex il-pajjiż ngħinuh jimxi ‘l quddiem. Nafu li għandna problema fil-partit iżda għandna problema akbar u gravi ħafna fil-pajjiż. Dan huwa minħabba l-ftit nies li ħakmu l-Partit Laburista li issa qegħdin jitwarrbu u anke minħabba s-sitwazzjoni fil-PN.

Jekk fhimtek sew you are keeping your options open?

Jien qatt ma eskludejt xejn f’ħajti. Però mhux qiegħed ngħid li din irrid nagħmilha jew deċiż li rrid nagħmilha akkost ta’ kollox. L-ewwel nara jekk il-pajjiż għandux bżonni.

F’dan il-mument inħoss li dan il-partit u dan il-pajjiż għandu bżonn persuna illi jgħaqqad. Pero mhux il-persuna waħdu se jgħaqqad. Il-persuna jista’ jġib ċerta attitudni iżda fl-aħħar nett iridu jkunu n-nies kollha madwar il-media u fit-toroq u fid-djar li jkunu jridu jingħaqdu għaliex dan il-pajjiż għandu bżonn oppożizzjoni b’saħħitha għax nafu li l-Gvern Laburista għandu ħafna difetti u għal dan il-pajjiż anke fil-futur jista’ jkollu nuqqasijiet serji tal-PL.