Bernard Grech jitfa’ n-nomina fl-elezzjoni għal Kap tal-PN

Read in English.

Il-Kummissjoni Elettorali tal-Partit Nazzjonalista aċċettat in-nomina ta’ Bernard Grech fl-elezzjoni għal Kap tal-Partit Nazzjonalista li se ssir fit-3 ta’ Ottubru li ġej.

Għal dawn l-aħħar jumejn, mijiet ta’ tesserati ffirmaw in-nomina ta’ Bernard Grech hekk kif l-istatut tal-Partit Nazzjonalista jitlob li n-nomina jrid ikollha għadd ta’ firem mid-deputati fil-Parlament, minn uffiċjali fl-Eżekuttiv tal-Partit kif ukoll minn fost it-tesserati li huma l-membri tal-partit. Newsbook.com.mt huwa infurmat li aktar minn 1,100 tesserat iffirmaw in-nomina ta’ Bernard Grech.

Fi stqarrija, il-Kummissjoni Elettorali tal-PN mmexxija minn Peter Fenech qalet li vverifikat u aċċettat in-nomina filwaqt li ddikjarat lil Bernard Grech bħala kandidat b’mod uffiċjali.

Bernard Grech qed jikkontesta din l-elezzjoni bl-għajta “Ningħaqdu, Niġġeddu u Nirnexxu”. Grech tefa’ n-nomina tiegħu llum hekk kif in-nominazzjonijiet fetħu din il-ġimgħa wara li l-Kummissjoni Kandidati rċeviet ir-rapport ta’ Due Diligence mill-esperti nkarigati minnhom.

Ir-rapport tad-Due Diligence sa issa għadu ma ġiex ippubblikat.

Għadni kemm ippreżentajt in-nomina tiegħi għall-elezzjoni ta' Kap tal-Partit Nazzjonalista.Fl-aħħar ġimgħat ltqajt u…

Posted by Bernard Grech on Tuesday, September 15, 2020

Taqbel li Bernard Grech isir Kap tal-PN?

Ikkummenta hawn taħt jew ibagħtilna fuq info@newsbook.com.mt