Bernard Grech jissottometti l-interess biex jikkontesta għal Kap tal-PN

Facebook

Read in English.

Bernard Grech uffiċjalment issottometta l-interess tiegħu lill-Kummissjoni Elettorali sabiex jikkontesta għall-kariga ta’ Kap tal-Partit Nazzjonalista.

F’kitba twila fuq Facebook illum, Grech qal li huwa jrid Partit Nazzjonalista “li jisma’ l-opinjonijiet, iħoss id-diffikultajiet, u jaspura x-xewqat tan-nies.”

Grech sostna li “wieħed irid jifhem li f’din ir-realtà li qed ngħixu fiha, wieħed ma jistax jibda jitkellem fuq ħwejjeġ nobbli bħall-ġustizzja, l-Istat tad-dritt u l-ġlieda kontra l-korruzzjoni, jekk ħafna min-nies huma fix-xifer tal-faqar jew huma mingħajr impjieg, jew huma bil-ġuħ.”

Huwa xebbah il-politika ma’ ġisem u l-ekonomija mad-demm li jagħti l-ħajja lil dan il-ġisem. Stqarr li hu importanti għalih li l-ekonomija tilħaq lil kulħadd, mill-kbir saż-żgħir. Huwa insista wkoll fuq l-importanza tal-edukazzjoni, l-ambjent u l-bilanċ fl-ippjanar. Huwa tkellem ukoll dwar id-djalogu bħala għodda politika f’Malta. Saħaq fuq l-importanza tal-komunikazzjoni b’diskussjoni ħielsa u kostruttiva.

Apparti hekk, Grech semma kif iż-żgħażagħ li kienu s-sinsla tal-Partit Nazzjonalista fit-80ijiet u fid-90ijiet wasslu biex immodernizzaw lil Malta, billi kienu ż-żgħażagħ li imbuttaw għall-indipendenza u li vvutaw biex Malta tidħol fl-Unjoni Ewropea.

Ix-xewqat tiegħi għal Malta u għall-Partit NazzjonalistaNemmen tassew li l-ġid komuni jintlaħaq biss jekk jinħolqu…

Posted by Bernard Grech on Friday, August 7, 2020

Issokta jgħid, “Jien nara lil Malta bħala nazzjon sovran li però fil-kumplessità tar-relazzjonijiet internazzjonali teżisti f’netwerk ta’ interdipendenza. Nemmen u nixtieq li Malta għandha rwol importanti ferm x’taqdi f’dan in-netwerk kemm fl-Ewropa u kif fid-dinja. Però l-iktar fil-Mediterran fejn jiltaqgħu u jitħalltu ċiviltajiet differenti. Din taf tkun iċ-ċavetta li tgħinna nibdew niddjalogaw ma’ kull parti kkonċernata sabiex jibda proċess ta’ soluzzjoni dejjiema għall-kwistjoni ferm importanti tal-immigrazzjoni lejn pajjiżna. Il-PN jemmen fis-sħiħ fir-rispett sħiħ għall-valur tal-ħajja umana, għad-dinjità inaljenabbli ta’ kull persuna umana u għall-jeddijiet tagħha fi fraternità ta’ bnedmin f’umanità waħda b’diversità ta’ kulturi, razez u twemmin. Anke dawk li ma għandhom l-ebda twemmin politiku jew reliġjuż għandhom id-dritt li jgħidu tagħhom, u aħna bħala partit u allura bħala gvern alternattiv għandna l-obbligu li nisimgħu.”

Lil hinn minn dan, Grech semma kemm jaħseb li huma importanti l-għaqdiet volontarji u s-soċjetà ċivili, u qal li jixtieq li jaħdem biex lil dawn joffrilhom l-għajnuna li għandhom bżonn.

Skont Grech, il-PN mhuwiex perfett, imma dak li jiddistingwih minn forzi politiċi oħra huwa li jibqa’ b’ħarstu ffokata fuq il-ġid tan-nies “sabiex nibnu soċjetà mibnija fuq l-imħabba.” Sostna li, “Dan huwa l-PN li nixtieq u nemmen li huwa dan it-tip ta’ PN li se jwassalna għal Malta li nixtieq nara għalina lkoll aħwa Maltin.”

Temm il-messaġġ tiegħu bix-xewqa li jikkontesta għal Kap tal-PN u qal, “Nemmen li bir-rieda, bl-għaqal u l-għajnuna ta’ kulħadd nistgħu nibdew it-triq biex dan it-twemmin u xewqat jibdew jieħdu tama ta’ realtà u dan għall-ġid – tal-Maltin u l-Ghawdxin kollha, għal pajjiżna, għall-partit.

Huwa se jkun qed jikkontesta kontra l-Kap kurrenti tal-partit Adrian Delia, wara li dan ilbieraħ filgħaxija esprima l-interess tiegħu li jikkontesta. Roberta Metsola, Therese Comodini Cachia u Mark-Anthony Sammut, li lkoll kienu qegħdin jissemmew bħala kandidati potenzjali, kollha kitbu li mhumiex se jikkontestaw.