“Irrid li jkolli polz reali ta’ dan il-mument” – Bernard Grech

Bernard Grech, li f’intervista fuq 103 Malta’s Heart stqarr li f’każ ta’ bżonn hu jikkunsidra li jitfa’ l-kandidatura tiegħu għal Kap tal-Partit Nazzjonalista jekk il-pajjiż u l-partit jitolbuh jagħmel dan, qal li jrid ikollu polz reali ta’ dan il-mument.

Fuq Facebook, Dr Grech spjega li qed jiltaqa’ u jitkellem mad-deputati nazzjonalisti u ma’ persuni li ddikjaraw li bħalu huma lesti li jservu kif meħtieġ jekk il-pajjiż u l-partiti jsejħilhom.

Kompla jgħid li qed jitkellem ma’ kunsilliera u tesserati biex ikompli jibni stampa reali. “Nitkellem u nisma’ pariri mingħand kulħadd għax kulħadd huwa validu. Ħadd waħdu m’għandu f’idejh is-soluzzjonijiet”, żied jgħid.

Grazzi tal-appoġġ ġenwin li qiegħed nirċievi. Kif għandi obbligu li nagħmel qiegħed nipprova nisma' u nitkellem ma'…

Posted by Bernard Grech on Monday, July 27, 2020

Propju nhar is-Sibt li għadda, Grech qal: “Jekk il-pajjiż isejjaħli, jekk il-partit isejjaħli u importanti li l-ewwel il-pajjiż għax aħna nidħlu fil-politika mhux għall-partit iżda għall-pajjiż, jien, iva, jiena lest li nikkunsidra l-pożizzjoni tiegħi f’dak li jista’ jkun hemm bżonn”.

Din kienet it-tweġiba ċara ta’ Dr Bernard Grech għall-mistoqsija ta’ Fr Joe Borg dwar x’jagħmel jekk nhar il-Ġimgħa l-Kunsill Ġenerali jiddeċiedi li għandu jibda l-proċess għall-għażla ta’ kap tal-Partit Nazzjonalista.