Filmat: Bernard Grech jinħatar Kap tal-Oppożizzjoni

Aġġornat 05:35 PM

Read in English.

Il-Kap il-ġdid tal-Partit Nazzjonalista Bernard Grech inħatar uffiċjalment bħala Kap tal-Oppożizzjoni llum waranofsinhar.

Grech inħatar bħala Membru Parlamentari wara li l-Kumitat Eżekuttiv, b’mod unanimu approva li għandu jieħu l-post tal-Membru Parlamentari Nazzjonalista Ivan J. Bartolo. Bartolo rreżenja mis-siġġu parlamentari tiegħu biex jagħmel post għall-Kap il-ġdid biex anke jkun jista’ jieħu post Delia bħala Kap tal-Oppożizzjoni.

Bartolo kien elett fil-Parlament seba’ xhur ilu wara li ħa l-post ta’ Marthese Portelli biex jirrappreżenta lid-disa’ distrett.

It-tellieqa għat-tmexxija ntemmet nhar is-Sibt li għadda, wara li Grech rebaħ l-elezzjoni kontra Delia. Hu kiseb 69.3% tal-voti u Delia kiseb 30.7%. Hu ġie elett bħala d-disa’ Kap tal-Partit Nazzjonalista.

Bernard Grech, imdawwar mill-familja tiegħu waslu fil-palazz tal-President għall-ħabta tas-1.15pm. Wara l-ħatra tal-lum, illejla hu se jkun jista’ immedjatament jidħol fil-Parlament bħala Kap tal-Oppożizzjoni.

Fl-ewwel kummenti tiegħu wara li nħatar bħala Kap tal-Oppożizzjoni, Grech qal li huwa importanti u neċessarju li kull min juża’ l-mezzi soċjali jużahom b’għaqal u rispett. Qal li se jkun qed isegwi l-parir tal-President biex kull min jonqos, jittieħdu l-passi. Insista li mhux se jħalli lil ħadd juża l-pożizzjoni tiegħu la biex jattakka u lanqas biex jiddefendi lilu nniffsu jispiċċa jattakka hu.

Dwar il-battibekki bejn Jason Azzopardi u Adrian Delia, huwa insista li se jkun qed jaħdem biex jara li l-partit jimxi flimkien. Sostna li hu diġà beda jaħdem fuq dan.

Insista li jrid li l-partit ikollu pożizzjoni waħda fl-Oppożizzjoni. Qal li hu se jkun qed jara li l-grupp parlamentari jibqa’ viċin in-nies u jaħdem flimkien. Qal li hu inkwetat dwar il-persuni li jitilqu mill-partit, kemm dawk li rreżenjaw u anke dawk li rritornaw it-tesseri. Qal li hu qed javviċina lil dawn in-nies biex jara li l-partit jaħdem flimkien. Spjega li kien hemm ‘il fuq minn 100 tessera ġdida bejn il-Ħadd u llum.

Spjega li issa se jkun qed jitkellem mal-Membri Parlamentari tal-PN biex jara x-xogħol qed jagħmlu u kif flimkien jistgħu jsaħħu l-ħidma tal-partit u tal-Oppożizzjoni.

Grech qal li hija xi ħaġa sabiħa li n-nies iridu tirrappreżentahom. Qal li hu qed jerfa’ dan l-unur b’responsabbiltà kbira. Lest li jaħdem għal politika ta’ rispett u li jgħin lil kulħadd iħossu parti mill-politika tal-pajjiż.

Filmat: Miguela Xuereb

Filmat: OPR