Bernard Grech iżur il-qabar ta’ kuġintu Karin malli jtemm il-kwarantina

Facebook

Read in English.

Il-Kap tal-Oppożizzjoni Bernard Grech żar il-qabar ta’ kuġintu Karin Grech fl-ewwel jum wara li ntemm il-perjodu li kellu jagħmel kwarantina mandatorja flimkien ma’ martu AnneMarie.

Fuq Facebook, Grech kiteb li wara li ftit jiem ilu, fl-anniversarju tal-qtil ta’ Karin, huwa appella li għandu jsir kulma hemm bżonn biex jissolvew id-delitti politiċ, illum l-ewwel impenn tiegħu kif ħareġ mill-kwarantina, kien li jżur il-qabar tagħha.

Grech stqarr li, “Pajjiż f’saħħtu ma jistax ikun poplu mifrud il-ħin kollu u fuq kollox u li jgħix żewġ realtajiet jew veritajiet – dik blu u dik ħamra. Irrid nara bażi komuni, qafas wieħed tar-realtà, tal-verità li ngħixu kuljum bħala poplu sabiex flimkien insawru u nsegwu viżjoni u programmi li jwassluna fid-destinazzjoni li jmissna nagħżlu għal uliedna, iż-żgħażagħ u l-ġenerazzjonijiet futuri ta’ pajjiżna.”

Wara li ftit jiem ilu, fl-anniversarju tal-qtil ta’ kuġinti Karin appellajt li pajjiżna għandu jibqa' jesiġi li jsir dak…

Posted by Bernard Grech on Saturday, January 2, 2021

It-28 ta’ Diċembru kien it-43 anniversarju mill-qtil ta’ Karin Grech, li nqatlet b’ittra bomba.

Lejlet il-Milied kien tħabbar li l-Kap tal-Oppożizzjoni u martu kellhom jagħmlu ġimagħtejn kwarantina peress li fl-iskola fejn tgħallem is-Sa Grech, kien hemm studenta u LSE bil-coronavirus.