Bernard Grech isejjaħ l-imġiba tal-PM mal-ġurnalisti “arroganti”

Robert Abela Prim Ministru ġurnalisti

Read in English.

Il-Kap tal-Oppożizzjoni Bernard Grech sejjaħ l-imġiba tal-Prim Ministru Robert Abela mal-ġurnalisti “arroganti.”

Huwa qal dan b’reazzjoni għal dak li seħħ ilbieraħ meta l-Prim Ministru kien qed iwieġeb il-mistoqsijiet tal-ġurnalisti wara li inawgura l-ftuħ tal-mini f’Santa Luċija. L-Istitut Ġurnalisti Maltin kritika lill-PM talli qagħad viċin ħafna tal-ġurnalisti hu u jweġibhom, waqt li ma kienx liebes maskra. Dan imur kontra l-avviż legali maħruġ mis-Supretendent tas-Saħħa minħabba l-imxija tal-coronavirus.

Il-Gvern ħareġ stqarrija b’reazzjoni għal dak li qal l-IĠM, li fiha qal li hi wkoll responsabbiltà tal-ġurnalisti li jżommu d-distanza. Il-Partit Laburista wkoll ħareġ stqarrija dwar dan li tgħid li l-PM dejjem ikun disponibbli jwieġeb lill-ġurnalisti u spiċċa kkritikat “għax il-ġurnalisti daru miegħu.” Il-PL qal li l-istess standards l-IĠM ma japplikahomx għal Bernard Grech, pereżempju meta tkellem fil-Parlament mingħajr maskra.

Fuq Facebook, illum Bernard Grech kiteb li l-PM “mhux biss neħħa l-maskra fiżika li donnu jobgħod jilbes b’saħħa, imma neħħa wkoll dik metaforika li xi kultant taqagħlu mingħajr ma jirrealizza.”

Hu kkritika l-fatt li Abela ħareġ żewġ stqarrijiet fuq il-kwistjoni: “waħda biex iwaħħal fil-ġurnalisti u jgħid li kien it-tort tagħhom, u fl-oħra biex jiftaħar li skont stħarrig Malta għandha rata baxxa ta’ fiduċja fil-midja.” Qal li din hi mġiba arroganti u mhix imġiba ta’ Prim Ministru serju.

Temm jgħid li l-midja independenti hija essenzjali biex iżżomm lill-Gvern u anke lill-Oppożizzjoni kontabbli għal għemilhom.