Bernard Grech irid dikjarazzjoni ta’ emerġenza nazzjonali tas-saħħa pubblika

face masks
Miguela Xuereb

Il-Kap tal-Oppożizzjoni Bernard Grech f’kitba fuq Facebook appella biex il-Gvern jerġa’ jiddikjara emerġenza nazzjonali tas-saħħa pubblika. Grech qal li huwa kontra li jsir lockdown iżda huwa importanti li tiġi ddikjarata din l-emerġenza sabiex il-Professur Charmaine Gauci bħala Supretendent tas-Saħħa Pubblika terġa’ tingħata l-awtorità fuq id-deċiżjonijiet importanti.

Grech kompla li l-Gżejjer Maltin qegħdin jewperjenzaw numri għoljin ta’ każijiet pożittivi għall-virus tal-Covid-19 u dan huwa riżultat dirett tal-politika ta’ Robert Abela li kien qal li l-mewġ qiegħed fil-baħar. Żied li l-Prim Ministru falla fil-politika tiegħu u huwa importanti li s-Supretendent titħalla tieħu d-deċiżjonijiet minfloku.

Il-Kap tal-Opoożizzjoni ħabbar li ż-żjarat li kellhom isiru fil-każini tal-Partit Nazzjonalista għada se jkunu qegħdin jiġu posposti u se jkun qed jikkordina mal-Grupp Parlamentari Amministrattiv biex jikkordinaw b’mod effettiv il-kontribut tal-Partit kontra t-tixrid ta’ dan il-virus.

Bernard Grech appella lill-Prim Ministru biex ikeċċi lis-Segretarju Parlamentari Silvio Parnis għall-kummenti tiegħu.

Bernard Grech irringrazzja x-xogħol li qed twettaq is-Supretendent tas-Saħħa Pubblika u l-ħaddiema tagħha u dawk li jaħdmu f’dan is-settur.

Fi stqarrija l-Partit Nazzjonalista qal li hemm bżonn terġa’ tiġi ddikjarata emerġenza nazzjonali tas-saħħa pubblika. Il-PN qal li l-contact tracing qed jitlef l-effiċjenza tiegħu sabiex ma jkomplix ikun hemm tixrid.

L-istqarrija li kienet iffirmata mill-Kelliem għas-Saħħa Stephen Spiteri sostna li l-Partit Nazzjonalista huwa kontra l-lockdown imma huwa imprtanti li tiġi ddikjarata l-emerġenza.

Il-Kelliem tal-Oppożizzjoni qal li n-numru ta’ każijiet pożittivi huwa għoli għall-popolazzjoni tal-Gżejjer Maltin. Żied li hemm żieda ta’ infezzjonijiet f’dawk vulnerabbli.

Illum feġġu 100 każ ieħor tal-Covid-19 f’Malta u għalhekk l-ammont ta’ każijiet pożittivi huwa ta’ 703 persuni.