Berlusconi se jgħaddi ġuri dwar il-każ tal-prostituzzjoni

L-eks Prim Ministru Taljan Silvio Berlusconi se jgħaddi ġuri wara li allegatament xaħħam negozjant sabiex jigdeb dwar akkużi li kien issupplixxih bi prostituti madwar 10 snin ilu.

Il-prosekuzzjoni qalet li Berlusconi ta’ Gianpaolo Tarantini €500,000 fi flus kontanti, sablu impjieg u ħallaslu l-avukati sabiex jgħid li ma kienx jaf li n-nisa kienu qed jiġu mħallsa sabiex jattendu għall-avvenimenti fil-villa ta’ Berlusconi.

Il-ġuri mistenni jibda fl-4 a’ Frar f’Bari. Din hija l-aħħar fost lista ta’ problemi legali li qed jaffaċċja l-politikant li għandu 82 sena minn meta daħal fil-politika 24 sena ilu.

Wara li weħel sentenza ta’ 4 snin ħabs għal frodi tat-taxxa fl-2013 b’konnessjoni mal-kumpanija tiegħu tat-televiżjoni Mediaset, li mbagħad inbidlet f’sentenza ta’ sena jservi fil-komunità, hu kien tneħħa mill-kariga pubblika tiegħu u s-siġġu fil-Parlament.