Berlusconi jiddaħħal l-isptar minħabba l-Covid-19

Read in English.

L-eks Prim Ministru Taljan Silvio Berlusconi ddaħħal l-Isptar San Raffaele f’Milan ilbieraħ bil-lejl wara li l-kundizzjoni tiegħu iggravat, ftit sigħat wara li ħabbar li għalkemm irriżulta pożittiv għall-Covid-19, ma kellux aktar sintomi tal-infezzjoni.

Skont ġurnali Taljani, però, il-kundizzjoni tas-saħħa tal-kap tal-partit Forza Italia, li se jagħlaq 84 sena dan ix-xahar, u li bħalissa jservi bħala Membru Parlamentari Ewropew, m’hijiex waħda inkwetanti.

Għadu mhux ċar kif ġie nfettat bil-coronavirus Berlusconi, għalkemm jidher li dan ġara waqt btala fil-gżira ta’ Capri. Il-partner tiegħu Marta Fascina, deputata ta’ Forza Italia li għandha 30 sena, ukoll irriżultat pożittiva għall-Covid-19.

Berlusconi jinstab rikoverat f’kamra fis-sitt sular tal-Isptar San Raffaele li hi meqjusa “tiegħu,” peress li kien rikoverat fl-istess kamra meta kellu bżonn jidħol l-isptar f’okkażjonijiet oħrajn.