Berlusconi jakkuża li Lega Nord tradewh fl-ewwel jum tal-Parlament

Silvio Berlusconi, il-mexxej tal-Partit Forza Italja, ilbieraħ akkuża lil-Lega Nord li kisret il-ftehim tagħhom waqt vot fejn kien qed jintgħażel l-ispeaker tas-senat.
Id-diżgwid bejn iż-żewġ partiti ġie fl-ewwel ġurnata tal-Parlament il-ġdid wara l-elezzjonijiet ġenerali fil-bidu ta’ Marzu, u jista’ jkun qed jimmarka t-tmiem primatur tal-koalizzjoni li rebħet bl-akbar ammont ta’ siġġijiet iżda ma rnexxiliex takwista l-maġġoranza.
Jekk l-alleanza xxolji, iżżid il-possibiltà ta’ Gvern  magħmul mil-Lega Nord u l-Moviment tal-Ħames Stilel, għażla li allarmat lil Brussell minħabba li ż-żewġ partiti huma ostili lejn ir-regoli tal-budgeting tal-Unjoni Ewropea.
Forza Italja akkużat lil-Lega li dan il-pass kien biss parti minn plot li fassal il-partit sabiex iwassal għal dan id-diżgwid u ma jagħżilx il-kandidat tal-Forza Italja, li kien hemm qbil fuqu qabel sabiex jieħu l-pożizzjoni tal-ispeaker.
L-għażla tal-ispeakers tal-Parlament hija l-ewwel ħaġa li jkun irid isir f’każ ta’ Parlament ġdid, u n-negozjati bejn il-partiti waqgħu fix-xejn meta il-Ħamis, il-Moviment tal-5 Stilel, l-akbar partit singulari, ddeċieda li ma jivvutax favur l-għażla ta’ Berlusconi.
Berlusconi kien għażel lill-veteran tal-Forza Italja, Paolo Romani, iżda l-Moviment saħaq li huwa kien akkużat b’ingann u għalhekk ma kellux post jokkupa dan is-siġġu.
Il-mexxej tal-Lega, Matteo Salvini, ipprova jikser l-imblokk fil-Parlament il-Ġimgħa billi qal li l-partit tiegħu kien se jkun qed jappoġġja lil Annamaria Bernini għal din il-pożizzjoni. Bernini hija senatriċi tal-Forza Italja stess.
Ritratt: Reuters – Tony Gentile