Berlusconi għal mal-anzjani minflok il-ħabs

Qorti f’Milan ordnat lill-eks Prim Ministru Taljan Silvio Berlousconi jagħmel sena jagħti servizz fil-komunità. Dan wara li nstab ħati ta’ frodi ta’ taxxa b’rabta mad-drittijiet televiżivi li nxtraw mill-kumpanija Mediaset fid-disgħinijiet. L-alternattiva minflok servizz fil-komunità kienet arrest f’daru stess.
Għadu mhux magħruf x’tip ta’ servizz komunitarju se jkun qed jagħti Berlusconi.
Il-biljunarju Taljan, li għandu 77 sena ħeles sentenza priġunerija fil-każ tal-Mediaset minħabba li s-sistema legali fl-Italja hija ħanina ma’ dawk li għandhom iktar minn 70 sena.  
Rapporti fil-midja Taljana qed jgħidu li Berlusconi huwa mistenni li jagħti s-servizz tiegħu nofstanhar fil-ġimgħa f’dar tal-anzjani u persuni b’diżabilità fil-periferija ta’ Milan.  Silvio Berlusconi, jinsab għaddej ġuri minħabba allegazzjoni li ħallas senatur biex jingħaqad mal-Partit tiegħu fl-2006.