Berlusconi f’ġuri fuq tixħim ta’ senatur

L-eks Prim Ministru Taljan, Silvio Berlusconi, għaddej minn proċess ġudizzjarju f’Napli minħabba allegazzjoni li ħallas senatur biex jingħaqad mal-Partit tiegħu fl-2006.
Berlusconi qed jiċħad l-akkużi li għadda 3 miljun ewro lil Sergio De Gregorio sabiex dan jitlaq mill-Partit tiegħu u jingħaqad miegħu, mossa li allegatament kellha l-għan li twassal għal nuqqas kbir ta’ stabilizzazzjoni fil-Gvern.
Eks-ġurnalist, Valter Lavitola, ukoll għaddej minn proċessi ġudizzjarji minħabba akkużi li ħadem bħala intermedjarju f’din il-kawża.
Dan huwa t-tielet każ li jinsab għaddej bħalissa kontra Berlusconi. L-eks Prim Ministru Taljan qed jappella kontra sentenza ta’ ħabs b’rabta ma’ relazzjonijiet sesswali ma’ prostituti minuri u abbuż mill-pożizzjoni tiegħu, kif ukoll talli ħareġ fil-pubbliku informazzjoni kunfidenzjali. Is-sena li għaddiet, Berlusconi nstab ukoll ħati bi frodi fuq taxxi.
Berlusconi tilef l-immunità parlamentari tiegħu s-sena l-oħra, meta kien imkeċċi mis-Senat minħabba frodi fuq taxxa.

Ħalli kumment hawn b'ismek u kunjomok.