Beritta bi stil partikulari tqarreb lill-Qorti biex issolvi każ ta’ attentat ta’ qtil

Beritta ħadranija bi stil partikulari ressqet lill-Qorti eqreb lejn is-suspettat ewlieni ta’ attentat ta’ qtil is-sajf li għadda.
Il-każ imur lura għal Awwissu tas-sena l-oħra, meta l-Libjan allegatament ipprova jisraq mara li kienet miexja ma’ ħabibtha f’San Ġiljan.
Xħin il-mara rreżistiet għal dan l-attentat ta’ serqa, l-akkużat għamel gġaliha u pprova jħanxrilha għonqha.
L-istess persuna nstab ħati f’Diċembru li għadda li weġġa’ gravi raġel ieħor xħin ukoll ipprova jisirqu. Dakinhar kien ingħata 18-il xahar ħabs għal dan l-attentat li kien seħħ biss tliet ġimgħat wara l-attentat fuq il-mara.
Fil-kumpilazzjoni li kompliet illum, xehed quddiem il-Maġistrat Doreen Clarke surġent mid-Dipartiment tal-Investigazzjoni Kriminali, li qal li kien minn tal-ewwel fuq ix-xena tal-attentat, u kien tkellem ma’ xi Franċiżi li jgħixu fl-inħawi u li fuqhom il-mara kienet marret għall-ewwel għajnuna.
Filmati mis-CCTVs juru wkoll ix-xbieha ta’ raġel li taqbel ħafna mal-fattizzi tal-Libjan.
Minn dawn il-filmati, is-surġent għaraf il-beritta ħadranija li mbagħad reġa’ raha meta ntbagħtu jispezzjonaw appartament ta’ persuna akkużata b’attakk feroċi fuq mara.
Ritratt: Arkivji